Il-kuntrattur jabbanduna l-permess li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar għal villa f'ODZ

Wara kritika qawwija, il-kuntrattur Joe Portelli jabbanduna l-iżvilupp ta' villa fil-Qala, li qajjem kontroversja kbira

Il-kamra li kienet ser issir villa wara permess tal-PA
Il-kamra li kienet ser issir villa wara permess tal-PA

Ftit tal-ħin ilu l-kuntrattur Joseph Portelli, li spiċċa f'nofs kontroversja dwar permess mogħti fil-Qala biex kamra żgħira u abandunata f'ODZ issir villa,  irrinunzja l-istess permess u allura abbanduna u mhux se jsegwi l-iżvilupp li qajjem kontroversja u rabja kbira fl-aħħar jiem.

Dan l-iżvilupp ingħata fuq il-premessa ta' policy introdotta mill-Gvern preżenti fl-2014 biex binjiet mitluqin li kienu abitati qabel l-1978 ikunu jistgħu jerġgħu jsiru postijiet ta' abitazzjoni, jekk min qed iressaq l-applikazzjoni jista' jipprova dan. Jidher illi din il-prova ngħatat b'mod sodisfaċenti f'dan il-każ u allura l-permess ħareġ. 

Dan qajjem għagħa kbir b'diversi persuni inkluż l-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef u l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, jikkritikaw il-mod kif kien mogħti dan il-permess lil Portelli, li qed jiżviluppa wkoll Mercury House f'Paceville.

'Qatt ma tlabna pjaċiri mill-awtorità u qatt m'aħna se naċċettaw li nkunu trattati b'mod differenti'

Fi stqarrija mibgħuta mill-istess kuntrattur dan qal illi l-applkiazzjoni għar-restawr u estensjoni ta' din il-proprjetà saret wara riċerka estensiva li kkonfermat illi l-proprjetà kienet tintuża bħala residenza fil-passat. "L-applikazzjoni ġiet sottomessa fuq l-istess parametri ta' applikazzjonijiet oħrajn fuq siti simili." 

Il-kuntrattur fakkar illi għexieren jekk mhux mijiet ta' każi kienu approvati mill-istess awtorità. "Uħud minn dawn l-applikazzjonijiet ingħataw permess għal residenzi li bilkemm kellhom il-pedamenti tal-binjiet preċedenti."

"Aħna qbilna wkoll li nemendaw il-pjanijiet u nnaqqsu aktar l-estensjoni li hija limitata għal dak li huwa marbut mal-binja preżenti. 

"Għal xi raġuni stramba," ikompli jgħid il-kuntrattur, "din l-applikazzjoni kienet inġustament identifikata mill-PA u l-midja."

"Qatt ma tlabna pjaċiri mill-awtorità u qatt m'aħna se naċċettaw li nkunu trattati b'mod differenti minn oħrajn. L-Awtorità trid tassigura li l-policies huma ċari u applikati mingħajr diskriminazzjoni."

 

More in Politika