F’kumment li ta lill-gazzetta oħt MaltaToday, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, ċaħad li b’xi mod seta’ influwenza r-rinunzja tal-permess kontroversjali tal-Qala. “Ir-risposta hi ċara, le u le,” qal Borg.
Il-Ħamis li għadda, l-kuntrattur Joseph Portelli spiċċa f'nofs kontroversja dwar permess mogħti fil-Qala biex kamra żgħira u abbandunata f'ODZ issir villa bil-pixxina. Jumejn wara, l-istess Portelli ħabbar li se jirrinunzja l-istess permess u allura abbanduna u mhux se jsegwi l-iżvilupp.
Dan l-iżvilupp ingħata fuq il-premessa ta' policy introdotta mill-Gvern preżenti fl-2014 biex binjiet mitluqin li kienu abitati qabel l-1978 ikunu jistgħu jerġgħu jsiru postijiet ta' abitazzjoni, jekk min qed iressaq l-applikazzjoni jista' jipprova dan. Jidher illi din il-prova ngħatat b'mod sodisfaċenti f'dan il-każ u allura l-permess ħareġ.
Waqt l-istess kummenti Borg qal li l-policy għall-iżvilupp f’żoni rurali ġiet ippreżentata sena u nofs ilu lill-istess Awtorità, iżda s’issa ma rċieva l-ebda kelma dwarha.
“Xahar ilu erġajt ktibt lill-PA. Nittama li jippreżentawli abbozz tajjeb sabiex nirranġaw irregolaritajiet li jistgħu jinqalgħu u fl-istess waqt nżommu dak li qed jaħdem.”