Delegazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika immexxija minn Carmel Cacopardo, Chairperson, u komposta ukoll mid-Deputat Chairperson Mario Mallia, s-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar kif ukoll il-membri tal-Eżekuttiv, Donal Kelly u Mina Tolu, għamlet żjara ta’ kortesija lill-President tar-Repubblika George Vella fil-Palazz ta’ San Anton f'Ħ’Attard.
F’din il-laqgħa Carmel Cacopardo għadda lill-President tar-Repubblika kopja ta’ dokument bil-proposti ta’ Alternattiva Demokratika dwar ir-riforma kostituzzjonali li għandha tissejjaħ fil-futur qarib.
Id-dokument ta’ Alternattiva Demokratika fih 31 proposta.
- Il-proposti ewlenin ta’ Alternattiva Demokratika huma dwar:
- It-tisħiħ tad-demokrazija parlamentari;
- Ir-riforma tas-sistema elettorali f’waħda iktar rappreżentattiva;
- Il-ħatra u r-responsabbilitajiet tal-President tar-Repubblika;
- Il-korpi kostituzzjonali f’sintonija mal-Parlament;
- Is-servizz pubbliku, inkluż il-kontroll fuq il-ħatriet politiċi (positions of trust);
- Is-saltna tad-dritt;
- Ir-reliġjon fil-Kostituzzjoni;
- Ix-Xandir;
- Is-sussidjarjetà;
- Il-ħatra tal-ġudikatura;
- Id-drittijiet diġitali;
- L-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali – tisħiħ tal-karigi;
- L-introduzzjoni ta’ referendum propożittiv; Il-linji gwida tal-kostituzzjoni: kuxjenza li tagħti direzzjoni.
Alternattiva Demokratika jidhrilha li fl-aħħar il-Kostituzzjoni li jkun hemm qbil dwarha għandha tkun sottomessa għal approvazzjoni popolari permezz ta’ referendum.