Analiżi | L-erba’ raġunijiet li qed iżommu lil Delia lura fis-sondaġġi

L-aħħar sondaġġ tal-Mediatoday wera illi minkejja titjib, għad hemm differenza ta’ 29% fil-livell ta’ fiduċja bejn Delia u Muscat. X’inhuma r-raġunjiet prinċipali li qed iżommu lill-PN lura?

L-aħħar sondaġġ fuq il-gazzetta oħt Maltatoday wera illi Delia għamel gwadann fil-livell ta’ fiduċja, b’4%, persentaġġ illi kien jagħmel differenza kbira, jekk mhux ikun determinanti, kieku d-distakk kemm fil-fiduċja iżda wkoll fl-intenzjoni tal-vot ma kinitx daqstant kbira. Fil-fatt il-PM Joseph Muscat għadu fdat minn 50.5% filwaqt li 21.3% biss qalu li jafdaw lil Delia f’sondaġġ li sar ftit wara l-Baġit.

Din il-gazzetta, se tagħti ħarsa lejn ir-raġunijiet ewlenin li qed iżommu lill-Oppożizzjoni lura milli tkun b’saħħitha biżżejjed biex toffri sfida serja u ta’ ċerta toqol kontra Gvern li issa beda jara l-ewwel xquq ta’ skuntentizza. Qed tevalwa wkoll x’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet ta’ Delia f’kull każ. 

Il-perċezzjoni (jew verità) li l-PN mhuwiex magħqud

L-akbar problema biex il-PN ikun meqjus bħala Gvern alternattiv hija l-għaqda jew in-nuqqas tagħha hekk kif jidher illi Delia jibqa’ jsib problemi fost sezzjoni tal-Partit Nazzjonlista li wieħed jista’ jsejħilha ‘establishment’. Nistgħu nsejħulha hekk għax għal snin sħaħ kellha f’idejha l-poter fil-partit u anke l-pajjiż u dejjem ingħaqdet biex tassigura li dan il-poter ma jkunx iddistabbilizzat.

Delia ġie minn barra u allura mhux parti minn din ix-xibka li għal snin żammet il-poter u ggarantiet rebħiet għall-PN f’elezzjonijiet sussegwenti. Mhux talli mhux parti minn dan il-grupp ta’ nies, talli jidher illi hemm jew kien hemm tentattivi mit-tmexxija preżenti biex dan il-grupp jingħata l-ġenb. 

Mingħajr din il-magna, Delia se jsibha diffiċli ħafna li jibda mqar inaqqas ftit mid-distakk, mhux biss minħabba l-kobor tad-distakk imma wkoll minħabba illi dik li qed insejħu establishment, għandha l-forza politika, il-kuntatti u l-esperjenza, tliet fatturi li Delia għandu bżonn bil-kbir bħalissa. 

X’jista’ jagħmel? 

Dwar dan il-punt Delia ftit jista’ jagħmel. Jista’ jibqa’ ċert illi dawn in-nies mhumiex se jaċċettaw li jitilfu l-poter minn taħt idejhom kif ġib u laħaq. 

L-aktar li jista’ jagħmel il-Kap tal-PN huwa li jibqa’ jipprova jibni pontijiet jew inkella li jaċċetta illi jkun parti minn dan in-nukleu żgħir imma kruċjali fil-PN. Fiż-żewġ każijiet Delia jista’ xorta ma joħroġx rebbieħ. Fl-ewwel każ jista’ jkun li jibni kemm jibni pontijiet, dawn xorta ma jkunux biżżejjed biex dawk li huma kontrih joħorġu l-id tal-ħbiberija u fit-tieni każ wieħed ma jistax jinsa illi minkejja kollox, l-establishment huwa l-istess grupp ta’ politiċi u strateġisti li tellfu lill-PN l-elezzjonijiet tal-2009, 2013, 2014 u 2017. F’kull każ it-telfa kienet b’distakk ta’ aktar minn 30,000 vot kontra l-PN. 

In-nuqqas ta’ effettività fl-istrateġija tal-partit

 Min qed jara lill-PN minn barra jħoss illi hemm nuqqas f’dak li jirrigwarda effettività tal-istrateġija fid-diskorsi u anke azzjonijiet tal-partit. 

Nibdew bl-aktar każ riċenti (din l-analiżi saret fil-bidu tal-ġimgħa) jiġifieri l-każ tal-permess għal villa fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ). F’dan il-każ ħafna nies, anke ħafna Laburisti, ma qagħdux lura milli jesprimu r-rabja u d-diżgust għal dan il-permess li issa kien rinunzjat. 

Meta tkellem nhar is-Sibt, Delia ma kienx ippreparat u ħa numru ta’ żbalji. Fost l-iżbalji, il-Kap tal-Oppoziżżjoni qal illi Clayton Bartolo, ir-rappreżentant tal-Gvern fuq l-Awtorità tal-Ippjanar, ma kien qal xejn dwar il-vot tiegħu, meta fil-fatt kien diġà għamel diversi stqarrijiet u ħalla numru ta’messaġġi fuq Facebook jispjega l-vot tiegħu. Jekk xejn, Delia messu rreaġixxa għal dawk l-istqarrijiet tal-istess Bartolo. 

Iktar minn hekk iżda, Delia naqas milli jsemmi l-aktar punt kardinali dwar il-kwistjoni, jiġifieri li din kienet policy li daħħal dan il-Gvern u allura, fil-fatt, it-tort kien tiegħu mhux ta’ deputat wieħed biss. 

Din tingħaqad ukoll mal-kritika pjuttost fjakka fuq l-inċident f’Ħal Far li involva numru ta’ immigranti. Hawnhekk ukoll Delia kkritika dettalji sekondarji fl-istqarrija tal-Gvern, li kienet tard, minflok il-kwistjoni primarja, jiġifieri dik tas-sigurtà fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u anke ż-żona tal-madwar.

Dan kollu flimkien ukoll ma’ numru ta’ żbalji fir-replika ta’ Delia għall-Baġit  juru nuqqas ta’ preparazzjoni, li ma tagħti impressjoni tajba xejn tiegħu u tal-partit. 

 Minkejja li l-Partit Laburista għadu popolari ferm, kif għadu Muscat, l-ewwel xquq issa bdew jidhru fil-faċċata li bena l-istess Muscat, l-aktar permezz tal-immigrazzjoni u l-ambjent (PA). Jekk ma jkunx effettiv biżżejjed il-PN u se jibqa’ jieħu ċerti żbalji, dawn ix-xquq mhux se jkunu riflessi fin-numri, fis-sondaġġi jew fl-elezzjonijiet. 

X’jista’ jagħmel? 

Louis Galea, eks Ministru Nazzjonalista, bħalissa għaddej b’riforma fil-PN. Riforma li għad irridu naraw il-frott tagħha. Minkejja dan jidher ċar illi Delia jeħtieġ jiftaħ beraħ il-komunikazzjoni mal-aqwa ħassieba u strateġisti tal-partit, kif ukoll ma’ persuni li jistgħu jtejbu wkoll l-mod kif Delia jgħaddi l-messaġġ (delivery). Jeħtieġ li Delia jkollu tim madwaru li qed jippreparah u jaġġornah, kull meta jkun se jindirizza attività jew imur għal intervista. Dan apparti li jeħtieġ illi t-tixrid tal-messaġġ ikun ikkordinat b’mod tajjeb u flessibbli biżżejjed biex ikun rilevanti għall-aktar kwistjonijiet riċenti. 

Flus u dejn

Naturalment hemm il-problema tar-riżorsa. Il-PN għandu djun kbar li fl-aħħar snin servew ta’ bsaten kontinwi fir-roti. Dan id-dejn huwa mifhum li kiber bil-kbir bil-bini tad-Dar Ċentrali u anke bi spiża dejjem tikber ta’ persuni li kien iħaddem l-istess partit. 

Is-sitwazzjoni finanzjarja fissret illi l-Partit Nazzjonalista kellu jbigħ numru ta’ każini, bl-aħħar wieħed ikun ta’ Birżebbuġa (li kien qed jaqa’ biċċiet, litteralment) u b’hekk inaqqas il-preżenza tiegħu f’postijiet diversi inkluż f’dawk fejn diġà m’għandux ħafna preżenza. 

X’jista’ jagħmel? 

Hawnhekk ukoll il-PN ftit li xejn jista’ jagħmel għajr li jħallas id-djun illi telgħu mas-snin, jaqta’ l-ispejjeż u jorganizza ħafna iktar ġabriet. 

Iż-żmien!

Imbagħad hemm iż-żmien. Il-PN dam fil-Gvern 25 sena prattikament mingħajr interruzzjoni. Ġenerazzjonijiet sħaħ jiftakru biss, jew kważi biss, lill-PN fil-Gvern. Wara dawn is-snin kollha fil-Gvern kien ċar illi l-PN kien abbanduna ħafna mill-kuntatt man-nies, kien introduċa diversi miżuri mhux popolari, kien sar arroganti u ma kellu ebda kontroll fuq kontenut, ħafna drabi attakk klassist fuq ħafna nies li mqar għandhom sufa Laburista, minn xi ħadd (Daphne Caruana Galizia) li kienet assoċjata mill-qrib ħafna tal-PN. 

Fl-2013, in-nies kienu inkorlati għall-Partit Nazzjonalista u huwa ċar illi sitt snin ma kinux biżżejjed biex ħafna nies jerġgħu jibdew iħarsu lejn il-PN bħala l-għażla tagħhom. Ħafna li qed jibdew jixbgħu bil-Partit Laburista fil-Gvern iktar qed jesprimu qtigħ ta’ qalb għall-klassi politika kollha, milli xi interess partikolari li jerġgħu jissieħbu fil-PN jew jivvutaw lilu mill-ġdid. 

X’jista’ jagħmel?

 Ftit li xejn jista’ jagħmel Delia għajr li jipprova jbiddel il-perċezzjoni dwar l-aħħar Gvernijiet Nazzjonalisti, xi ħaġa diffiċli ħafna li ssir speċjalment meta għandek partit fl-oppost li huwa ppreparat, sinjur u li ġabar madwaru fost l-aqwa strateġisti politiċi tal-pajjiż. 

More in Politika