Daphne: Pass, pass ... mill-Panama u Soho għall-qtil, l-arresti u maħfra Presidenzjali
Probabbilment illum kulħadd qed jistaqsi, 'min jaf min qatilha lil Daphne?' Is-sit illum.com.mt jagħti ħarsa lejn l-akbar stejjer tagħha u dak li ġara wara mewtha...x'imkien f'dawn hemm ir-risposta!
minn Albert Gauci Cunningham
Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista niggieża li dejqet lil ħafna, rifset ħafna kallijiet u għamlet biżżejjed għedewwa biex tinqatel bl-aktar mod brutali u ikrah. Biex nifhmu aħjar fejn ninsabu illum, hekk kif jidher li ġejna l-aktar qrib illi nibdew inħollu din il-kobba mħabbla, l-illum.com.mt iħares lura lejn in-nies li nigżet u kixfet u l-aktar mumenti importanti minn dak il-jum: 16 ta' Ottubru 2017.
Carauana Galizia kienet kritika kbira tal-Partit Laburista imma wkoll ta' ċerti figuri fil-Partit Nazzjonalista fosthom l-eks Ministru u President Emeritu ta' Malta Guido De Marco. Lejn l-aħħar kienet fetħet il-kanuni fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Fl-aħħar snin qabel mewtha hi kienet qed tikxef fatti u stejjer ta' portata kbira, bil-kxif ta' kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri jkunu fost l-aktar importanti fl-aħħar snin. Daphne Caruana Galizia kienet ukoll bdiet tindika li għandha għarfien u li kienet se tikxef aktar dwar kumpanija reġistrata fid-Dubaj, 17 Black. Kemm Schembri kif ukoll Mizzi kienu għadhom ma rreġistrawx dawn il-kumpaniji li nfetħu f'ġurisdizzjoni magħrufa għas-segretezza tagħha.
L-akkuża, eventwalment, kienet illi dawn infetħu biex fihom jitpoġġew flus minn commissions mill-ftehim tal-Powerstaion, fost oħrajn. Allegazzjoni li dawn dejjem ċaħdu, b'Mizzi saħansitra jgħid li din il-kumpanija infetħet biex jitpoġġew flus tal-familja.
Forsi l-aktar storja li qajmet urugan politiku fil-pajjiż u għolliet t-temperatura politika waħda sew kienet dik li tgħid illi t-tielet kumpanija fil-Panama, li sa issa s-sid tagħha għadu mhux magħruf, fil-fatt kienet ta' Michelle Muscat. Aktar minn hekk hija kienet akkużat lil Muscat illi kienet qed tirċievi flus mingħand Leyla Aliyeva, bint Ilham Aliyev il-mexxej tal-Ażerbajġan, mill-kumpanija Al Sahra FZCO
Il-familja Aliyev kienet klijent tal-Bank Pilatus f'Malta.
Hawn hija l-istorja li kienet ippubblikat Daphne Caruana Galizia, li kienet mxerrda 22,000 darba u li l-PM Muscat kien laqqam bħala l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija. Muscat kien talab għal inkjesta Maġisterjali biex ikunu investigati l-allegazzjonijiet.
Hija kienet ukoll ċentrali fi stejjer relatati mal-Bank Pilatus li kien fetaħ proċeduri li jiswew il-miljuni, magħrufin bħala SLAPP, kontra l-istess Caruana Galizia.
Hi kienet ukoll il-ġurnalista li ħarġet bl-istorja illi l-Ministru Chris Cardona kien mar f'burdell jismu Acapulco fil-Ġermanja flimkien ma' Konsulent tiegħu, waqt il-ħin tax-xogħol. Huma ċaħdu din l-istorja bil-qawwa kollha u l-Ministeru ta' Cardona saħansitra kien qal illi għandu l-provi li kienu juru illi l-messaġġi li bdiet tirċievi Caruana Galizia kienu minn Malta u mhux minn Acapulco. Cardona kien saħansitra għamel mandat ta' sekwestru ta' €46,000 kontra Caruana Galizia.
Caruana Galizia kienet ukoll kitbet diversi stejjer fir-rigward Adrian Delia u l-konnessjonijiet tiegħu ma' ċerti klijenti meta kien avukat. Hi kienet, fl-eqqel tal-kampanja għal Kap suċċessur ta' Simon Busuttil, ippubblikat storja illi madwar £1 miljun fi flus minn prostituzzjoni f'Soho, Londra kienu għaddew mill-kont tal-istess Delia f'kont tal-Bank Barclays f'Jersey. Caruana Galizia kienet fil-fatt kixfet dan l-istess kont f'Jersey. Delia dejjem ċaħad involviment fl-attività kriminali u qal biss li hu kien l-avukat tal-klijenti in kwistjoni, l-aħwa Bajada.
Ara x'kitbet hawnhekk Daphne Caruana Galizia dwar l-aħwa Bajada, fosthom Eucharist Bajada li ibnu kien miżżewweġ ma' oħt Simon Busuttil. Hi kienet allegat illi Delia għandu sehem f'kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istess Eucharist u li kellu/għandu apartament li allegatament jintuża għall-prostituzzjoni. Il-flus, allegatament kienu jgħaddu fil-kont f'Jersey minn fejn kienu jgħaddu għal kontijiet oħra, kienet tgħid l-allegazzjoni.
Imbagħad kien hemm il-famuż diskors ippassjonat u isteriku fl-istess ħin ta' Delia meta f'dagħdigħa kien għajjar lil Daphne 'biċċa blogger'.
Il-ġurnalista kellha diversi stejjer oħrajn li jistgħu jitfgħu dawl kruċjali fuq il-qtil tagħha. Hi kitbet dwar il-Libja u qabdiet relatati mal-kuntrabandu taż-żejt.
Daphne kellha diversi stejjer oħrajn li qajmu diskussjoni u kontroversja, forsi mhux daqstant dwar il-kontenut daqs dwar min kien il-kontentut. Fost l-aktar stejjer li dwarhom qalgħet kritika Caruana kien hemm il-fatt li kienet kitbet mhux darba dwar ulied il-Prim Ministru, kif ukoll dwar attakk vixxerali fuq l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono u ommu, meta qalet li din għandha tkun arrestata talli welldet lill-istess Franco.
Forsi wieħed mill-aktar artikli li ġabu stmerrija fost ħafna kien dak li kitbet dakinhar li miet l-eks PM Dom Mintoff, li baqa' dejjem l-akbar għadu tagħha minħabba arrest li kienet għaddiet minnu fi żmien gvern laburista mmexxi mill-istess Mintoff. Dakinhar kienet kitbet artiklu intitolat 'Glory, Glory .. Halleluljah'. Fih Daphne akkużat lil Mintoff li kien bniedem mimli mibgħeda u miġnun u li l-mewt tiegħu tatha ħafna ferħ fil-jum tal-birthday tagħha. Kienet qalet ukoll, f'referenza għad-diska li ġġib l-isem tat-titlu tad-diska illi jekk jidħol hu l-ġenna l-qaddisisn kollha jitilqu 'l barra.
Naturalment il-lista ta' persuni li kkritikat, kixfet, irrabjat, għarjet u maqdret ma tispiċċax għalkemm apparti dawk li huma l-ovvji, hemm ukoll diversi nies li spiċċaw fuq dan il-blogg b'mod regolari. Fosthom, Tony Zarb, L-eks Kandidat Laburista Dennis Sammut, Mario De Marcio, Ċensu l-iswed, John Dalli, Alex Borg Olivier, Cyrus Engerer, Clyde Puli, Darren Debono, Ali Sadr Hasheminejad, Nikki Vella De Fremaux, Kurt Farrugia u bosta oħrajn, il-maġġor parti ta' dawn kienu parti jew messew b'xi mod mal-Partit Laburista. Il-maġġoranza ta' dawn ċaħdu l-akkużi miġjubin kontriehom.
Daphne kienet spiċċat ukoll fuq l-aħbarijiet u fuq il-midja soċjali ftit qabel l-elezzjoni tal-2013 meta kien sar attentat ta' arrest għax baqgħet tikteb l-artikli, anke fil-jum tas-silenzju. Dakinhar kien deher dak il-famuż filmat ta' Lou Bondi dieħel id-dar tagħha fil-Bidnija jistaqsi; Tistgħu tgħiduli x'inhu jiġri hawnhekk?' Iktar tard ir-relazzjoni ta' ħbiberija bejn Daphne u Lou tieħu daqqa 'l isfel meta Caruana Galizia bdiet tikkritikah talli aċċetta konsulenzi mill-Gvern li jlaħħqu l-eluf kbar ta' ewro u implikat li Bondi kien sar mixtri!
Splużjoni fil-Bidnija ... Malta mwaħħla mat-televiżjoni
Kien nhar it-Tnejn, meta ħafna kienu qed jibdew il-ġimgħa tagħhom, ġriet bħal-leħħa ta' berqa l-istorja illi kien hemm splużjoni ta' karozza fil-Bidnija. Mhux wisq ħin għadda sakemm sirna nafu li dik kienet Daphne Caruana Galizia.
Mal-aħbar, kulħadd intefa' quddiem it-TV bħal meta sseħħ traġedja nazzjonali.
Kienu għall-ħabta tat-3:00 p.m meta Caruana Galizia kitbet l-aħħar blogg tagħha dwar xhieda li ta Keith Schembri f'libell li reġa kien fl-aħbarijiet il-ġimgħa l-oħra u allura l-libell li Schembri kien fetaħ kontra Simon Busuttil u li waqqa' ġimgħa ilu għax ma riedx jixhed.
'There are crooks everywhere you look. The situation is desperate.' kienu l-aħħar kliem tagħha.
'Mhux se jkun faċli li jissolxva dan il-każ'
L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien fost dawk li tkellmu ftit wara li tħabbar l-assasinju. Huwa kien qal li minn dak li ra kien il-bomba kienet waħda ta' saħħa kbira 'wieħed mill-uniċi li niftakar. Kien splussiv qawwi ..."
Rizzo kien qal mli mhux se jkun faċli li jissolva
Dak ta' barra li seħħ ma' ta' Malta
Dan ma kienx l-unika qtil ta' ġurnalista fl-UE fil-perjodu hekk kif fl-Islovakkja kien inqatel ukoll ta' Jan Kuciak.
Biex tiffriskaw ftit il-memorja ta' dan il-qtil u kif kien simili u differenti minn ta' Caruana Galizia, hawn huwa analiżi mill-gazzetta ILLUM fuq dan iż-żewġ omiċidji.
Hawn hu wkoll l-editorjal tal-gazzetta ILLUM il-Ħadd ta' wara l-assasinju: 'Pajjiżna ma jixraqlux hekk. Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar minn hekk.'
L-arrest ta' tlieta minn nies ... kulħadd jaqra, jisma' u jara
Wieħed mill-aktar mumenti importanti f'dawn is-sentejn kienu l-arresti tal-aħwa Degiorgo, il-Fulu u ċ-Ċiniż kif ukoll ta' Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu wara li kienu arrestati madwar tmienja minn nies oħra.
L-operazzjoni biex jinqabdu l-aħwa twettqet fil-Marsa, f'operazzjoni li kienet miġbuda f'filmat li dar mal-pajjiż kollu.
Sorprendentement kienet il-midja Taljana l-ewwel li bdiet tikxef fatti dwar dawn l-aħwa. Il-gazzetta Taljana La Repubblica żvelat kif nofs siegħa wara li l-karozza li fiha kienet Daphne Caruana Galizia splodiet, George Degiorgio bagħat messaġġ lil martu li fih qallha 'iftaħli flixkun inbid, baby'.
Intant, l-istess gazzetta Taljana żvelat kif il-qtil ta' Caruana Galizia kien viċin li ma jitwettaqx hekk kif jidher illi Degiorgio ma kienx għad fadallu kreditu fil-mowbajl illi kien se jintuża biex jintbagħat l-sms 'fatali'. La Repubblica tgħid fir-rapport tagħha illi ċ-'Ċiniż' ċempel lil sieħbu mill-mowbajl personali tiegħu biex jżidlu il-kreditu b'top up ta €5.
Sussegwentement, Degiorgio uża t-tieni mowbajl biex jintbagħat l-sms 'fatali' fit-3:00 p.m, liema messaġġ ħalla lil Caruana Galizia bla ħajja.
Issa jiġi arrestat ukoll l-intermedjarju
Illum seħħ l-ikbar żvilupp mill-arrest tat-tliet irġiel. Dalgħodu bdiet ddur sew l-aħbar illi kien arrestat l-intermedjarju fil-qtil tal-ġurnalista, intermedjajru li kien arrestat il-ġimgħa l-oħra fuq akkużi relatati ma' ħasil ta' flus, fi grupp li kien jagħmel parti minnu.
Huwa qal illi lest jikxef min kien il-mandant tal-qtil jekk jingħata maħfra Presidenzjali. Il-Prim Ministru qal li hu lest jagħti din il-maħfra jekk l-intermedjarju jgħid u juri xi provi għandu.
Qed jisemma' ċertu Melvin Theuma bħala l-intermedjarju li jinsab arrestat.
iż-żmien li ġej ...
Iż-żmien li ġej jaf ikun ferm interessanti. Jekk dan l-intermedjarju jingħata l-maħfra u jikxef il-mandant/i nistgħu ngħidu li deħlin f'wieħed mill-aktar perjodi interssanti fix-xenarju tal-ġrajjiet kurrenti lokali.
Il-mistoqsija tibqa': Min qatilha lil Daphne? It-tweġiba tinsab ximkien f'dak li kitbet diġa.