Il-partit warajh imma taħt pressjoni minn ġewwa biex jaġixxi
- Deputati Laburisti jgħidu illi l-lealtà tibqa' lejn Muscat iżda s-sentiment fost ħafna huwa li jrid jaġixxi u jieħu passi
- Quddiemu tliet għażliet ... liema se jagħżel?
minn Albert Gauci Cunningham
Ilbieraħ l-investigazzjoni fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ħadet xejra pjuttost drammatika hekk kif kmieni wara nofsinhar ġriet bħal leħħa ta’ berqa l-istorja illi l-Ministru Chris Cardona kien mitlub imur id-Depot fil-Furjana biex iwieġeb mistoqsijiet fl-investigazzjoni relatata mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għal madwar nofs siegħa din l-istorja bagħtet aktar xokkijiet fil-klassi politika, bil-PN saħansitra jsejjaħ għal laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari u wara jitlob sessjoni urġenti tal-Parlament.
Dan sakemm il-Ministru ċċara li hu ma kienx mgħajjat bħala suspettat imma biex iwieġeb mistoqsijiet u jivverifika xi punti li dwarhom il-Pulizija xtaqu risposta iktar ċara. Mal-gazzetta ILLUM Cardona sostna illi hu kien mistoqsi dwar diversi punti fosthom jekk jafx lil Melvin Theuma u jekk iva x'konnessjoni hemm, jekk għaddiex xi flus lil xi ħadd kif ukoll dwar il-libelli li waqqa' fil-konfront ta' Daphne Caruana Galizia.
Dak tal-bieraħ iżda kompla jitfa’ aktar pressjoni ma’ dik li diġà kien hemm fuq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Fil-fatt qabel ma seħħew l-iżviluppi tal-bieraħ diversi sorsi, inkluż Deputati Laburisti kienu qalu lil din il-gazzetta illi Muscat qed jiffaċċja pressjoni interna biex jaġixxi quddiem l-istejjer li ħerġin u żviluppi li qed iseħħu, l-aktar fir-rigward ta’ 17 Black.
Minkejja li xi ftit jew wisq il-Grupp Parlamentari jibqa’ b’saħħa wara Muscat l-għajta u s-sentiment favur riżenji qiegħed dejjem jikber. Wieħed mis-sorsi tal-gazzetta, Deputat Laburista, qal illi ladarba u jekk Fenech ikun arrestat dan ikompli jpoġġi l-pożizzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi f’qagħda antipatka. Dan fil-fatt huwa minħabba l-fatt li Fenech huwa sid kumpanija rreġistrata fid-Dubaj u li hija target client tal-kumpaniji miftuħin fil-Panama mill-istess Schembri u Mizzi.
Kien fil-fatt dan l-iżvilupp fil-bidu tal-ġimgħa li qajjem terremot politiku sħiħ, mistoqsijiet u anke protesti l-Belt Valletta, waħda minnhom li spiċċat f’ostilità kbira lejn Deputati tal-Gvern.
Deputat ieħor tal-PL, ikkonferma wkoll illi l-Grupp Parlamentari mhuwiex qiegħed b’xi mod jiddubita fil-Prim Ministru, lanqas il-back bench.
Semma iżda lil Chris Fearne u lil Evarist Bartolo, li ma tantx jidhru kuntenti bis-sitwazzjoni, b’mod speċjali tal-aħħar li għal xi żmien kien qed jissemma bħala l-President tar-Repubblika, minflok Marie Louise Coleiro Preca. “Kważi sigriet magħruf li mhux kuntent,” qal dan id-Deputat mal-ILLUM.
Hemm ideat u sentimenti oħrajn naturalment, iżda jidher li l-aktar sentiment prevalenti huwa dak li qed jitlob lil Muscat biex jaġixxi kemm jista’ jkun malajr.
L-għażliet li qed jagħfsu fuqu ...
Il-PM Muscat għandu tliet għażliet quddiemu: ma jagħmel xejn għalissa, iġiegħel lil Keith Schembri u Konrad Mizzi jirreżenjaw jew inkella jirriżenja hu.
L-aħħar għażla hija l-inqas popolari u kif diġà għidna li xorta ma jixtiqux ħafna Deputati u l-maġġoranza kbira tal-attivisti Laburisti. Dan hekk kif sal-ħin li kien qed jinkiteb dan l-artiklu sa issa ma kien żvelat xejn li jirrigwarda jew li jirbot lill-Prim Ministru mal-investigazzjoni jew inkella ma’ Yorgen Fenech minkejja implikazzjonijiet sottili dwar Cote D’Azur fuq ir-Riviera Franċiża.
Huwa fatt li jista’ wieħed jiċċekkjah illi l-Gio 2 li hija wkoll ta’ Fetnech tinsab f’Antibes, f’Cote D’Azur. Iktar minn hekk iżda ftit li xejn intqal f’dan is-sens.
Jekk jirriżenja issa Muscat jkun telaq fl-aktar mument diffiċli għall-Gvern Laburista minn meta kien elett. Huwa improbabbli ħafna li Muscat jieħu din it-triq.
Muscat jista’ ma jagħmel xejn ukoll. Din l-għażla qiegħda dejjem iktar issir diffiċli, hekk kif kull biċċa mill-istorja u kull żvilupp li qed joħroġ qed ikun ta’ gravità akbar minn ta’ qablu. Muscat jista’ jkun li fuq ħoġru għandu sitwazzjoni politika li mhijiex se tikkalma, speċjalment hekk kif tħabbar li għada se sseħħ protesta oħra quddiem il-Parlament. Dan apparti l-pressjoni li qed isib fil-partit ukoll.
L-għażla l-oħra hija li jġiegħel lil Keith Schembri u Konrad Mizzi jirriżenjaw. Din ukoll mhix deċiżjoni faċli hekk kif issa għadda ħafna żmien minn meta nkixef il-fatt li dawn fetħu kumpanija fil-Panama.
Riżenja issa tista’ tibgħat ukoll il-messaġġ ta’ ħtija f’wieħed mill-aktar assassinji koroh u serji mill-qtil ta’ Raymond Caruana u Karin Grech.
Il-PN jitfa’ aktar pressjoni u jesiġi sessjoni urġenti tal-Parlament
Intant, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista llum iltaqa’ b’urġenza fuq talba tal-Kap Adrian Delia biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Grupp Parlamentari reġa' saħaq li f’dan il-mument delikat "kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbilità fl-interess ta’ Malta u tal-Maltin u l-Għawdxin."
Il-PN kompla jgħid li fiċ-ċirkostanzi li qed jiżviluppaw, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari, talab li l-Parlament jiltaqa' b’urġenza lbieraħ stess biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni "li hija materja definita ta’ importanza pubblika urġenti."
U għall-ewwel darba jitlob lil Joseph Muscat jirriżenja. Il-PN sostna li "l-Prim Ministru Joseph Muscat tilef kull awtorità morali biex imexxi lil pajjiżna għax ilu għal snin twal jaħrab mir-responsabbilitajiet politiċi. Imma issa ma’ kull minuta li tgħaddi Joseph Muscat mhux qed jibqagħlu iżjed fejn jaħrab."
Il-PN temm jgħid li pajjiżna qed ibati l-konsegwenza ta’ mġiba "korrotta u kriminali ta’ nies viċin il-Prim Ministru, nies li l-Prim Ministru baqa’ jipproteġi sal-ġurnata tal-lum."
'Ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu' - il-Gvern
Immedjata kienet ir-risposta tal-Gvern li saħaq illi "t-talba tal-Oppożizzjoni turi l-konfużjoni li tinsab fiha. Filli tgħid li l-Prim Ministru m’għandux jitkellem dwar il-każ u filli trid li jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza biex jiddiskuti l-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia."
Il-Gvern fakkar li din il-ġimgħa stess l-Oppożizzjoni ħarġet 'il barra mill-Parlament.
"L-Oppożizzjoni tagħmel sew jekk tħalli l-istituzzjonijiet li tant ilha tikkritika li ma jagħmlux xogħolhom, li jwettqu, kif qed jagħmlu, dmirhom," temm jgħid il-Gvern.
L-interrogazzjoni fuq Fenech tieqaf għal 24 siegħa wara li ddaħħal l-isptar
Ilbieraħ stess, waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-Pulizija, Yorgen Fenech ilmenta minn xi wġigħ u talab li jiġi invistat medikament.
Fuq rakkomandazzjoni tat-tabib huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei taħt sigurtà stretta tal-Pulizija. Il-Pulizija, ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, Fenech mhux se jkun f’pożizzjoni li jkompli jiġi interrogat għall-24 siegħa illi ġejjin.
Il-Pulizija ġiet ukoll infurmata li din hija prattika normali tal-isptar wara li pazjent jingħata t-tip ta’ kura li ngħata Fenech. Fenech għalhekk se jingħata l-Police Bail skont il-liġi u se jkollu sigurtà stretta tal-Pulizija.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin