Pressjoni fuq Delia biex jerġa’ jdaħħal lil Busuttil fix-Shadow Cabinet

Deputati tal-PN jisħqu mal-ILLUM li Simon Busuttil kellu raġun u postu għandu jerġa’ jkun fix-Shadow Cabinet

Bħalissa, u bir-raġun, l-attenzjoni tinsab kollha kemm hi fuq il-Gvern, partikolarment mill-bieb ta’ Kastilja ’l ġewwa. Iżda n-naħa l-oħra, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fil-Pietà, x’qiegħed jiġri? Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM saħqu li qed tikber il-pressjoni fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex Simon Busuttil jerġa’ jkun rikonoxxut.

Deputati u sorsi tal-gazzetta ILLUM saħqu li wara l-iżviluppi ta’ din il-ġimgħa, partikolarment ir-riżenji tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ta’ Konrad Mizzi minn Ministru u ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff, kibret il-pressjoni fuq it-tmexxija, partikolarment waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari, biex Simon Busuttil jerġa’ jsib postu fix-shadow cabinet.

Wieħed mid-Deputati Nazzjonalisti insista mal-ILLUM li Simon Busuttil “kellu raġun over and above,” u għalhekk għandu jerġa’ jsib postu bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni.

Dan kien ikkonfermat ukoll mid-Deputati l-oħra li tkellmet magħhom din il-gazzetta. Mistoqsija dwar x’qed tkun ir-reazzjoni tal-Kap Adrian Delia u tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, it-tweġiba ta’ wieħed mid-Deputati kienet: “Jipposponuh u jaħarbuh. Iħalluha pendenti.”

“Fadal reżistenza fuq Simon,” qalilna ieħor. 

Kien Adrian Delia li neħħa lill-preduċessur tiegħu minn kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar il-governanza tajba, fl-istess jum li kienu ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tar-rapport Egrant. 

Minn dakinhar ’l hawn, il-qasma fost id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista ħarġet aktar fil-beraħ u minkejja li fl-aħħar xhur kien hemm sinjali ta’ għaqda, b’Simon Busuttil jerġa’ jibda jidher anke fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ qatt ma reġa’ ngħata l-irwol ta’ kelliem.

‘Suppost aħna l-aktar partit b’saħħtu bħalissa’

Fl-aħħar jiem, Busuttil reġa’ spiċċa fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Waqt il-protesti li ġew organizzati mis-soċjetà ċivili quddiem il-Parlament is-sitwazzjoni kienet kważi kważi surreali u xi ftit skomda għad-deputati kollha.

Malli nhar it-Tlieta ħareġ mill-Parlament, lil Delia għajruh “mafjuż” u “korrott” daqs kemm għajru lill-Prim Ministru Joseph Muscat, iżda malli lemħet lil Simon u lid-Deputati l-aktar viċin tiegħu, il-folla nfexxet tgħajjat “Simon, Simon” u “Simon kellu raġun.”

Filwaqt li Delia ma attendiex għall-akbar u l-aħrax protesti li ġew organizzati fl-istorja riċenti tal-pajjiż, fid-dawl tal-aħħar żviluppi, Simon Busuttil kien fuq quddiem nett u xi drabi saħansitra kien hu li beda jmexxi l-folla biex tgħajjat “barra” u “postkom ġo Kordin.”

“Din hija r-realtà,” qalilna Deputat tal-Partit Nazzjonalista meta staqsejnieh dwar kif iħossuhom bħala Deputati li ma jistgħux jattendu bħala Oppożizzjoni sħiħa għall-protesti, għax is-soċjetà ċivili ma tridx taf b’Adrian Delia.

“Imissna aħna l-aktar partit b’saħħtu bħalissa. Suppost qegħdin hemm fuq,” qalilna Deputat ieħor.

Wieħed mis-sorsi kompla jisħaq li ma hemmx raġuni waħda għaliex Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista mhuwiex milqugħ f’dawn il-protesti. 

“Kien hemm sensiela ta’ affarijiet, deċiżjonijiet u pożizzjonijiet li ttieħdu u li dejqu lin-nies. Issa ma tistax tirranġa s-sitwazzjoni b’azzjoni waħda,” insista magħna d-Deputat waqt li tenna li jekk Busuttil jerġa’ jkun rikonoxxut għall-ħidma tiegħu, dan jaf ikun pass ieħor ’il quddiem.

“Biex ngħid kollox, hemm impenn internament biex l-affarijiet jitranġaw, biex inkunu aktar magħquda. Fadal xi jsir,” qalilna Deputat ieħor.

Sirna nafu bil-protesta minn fuq Facebook...

Interessanti wkoll u dan ġie kkonfermat ma’ din il-gazzetta minn aktar minn Deputat wieħed, li diversi Deputati, jekk mhux il-maġġoranza, saru jafu minn fuq Facebook bil-protesta li l-Partit Nazzjonalista kellu jorganizza ilbieraħ.

“Kienet ġennata. Konna qed niddiskutu biex dawn l-affarijiet ma jsirux, ” qalilna wieħed mis-sorsi. 

“Id-diskussjoni ta’ nhar l-Erbgħa qatt ma kellha tkun il-protesta tal-PN. Żball kbir,” insista sors ieħor mill-Grupp Parlamentari. 

Minkejja l-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, is-Segretarju tal-PN, Clyde Puli baqa’ ma weġibx sakemm morna għall-pubblikazzjoni. 

More in Politika