'Il-kunflitti ta' interess huma evidenti ... Muscat għandu jitlaq issa' - L-Avukati

Il-Kamra tal-Avukati appellat lill-Kabinett u lill-Grupp Parlamentari biex jekk il-Prim Ministru ma jirriżenjax minnufih, iwarrbuh huma

Il-Kamra tal-Avukati qed tisħaq li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat ma għadhiex tenibbli u qed tħeġġu biex jirriżenja minnufih u mhux jistenna sat-12 ta’ Jannar.

“Il-kunflitti ta’ interess, li f’dan il-każ huma evidenti, jpoġġi riskju ċar u periklu fuq l-investigazzjoni u eventwalment fuq il-proċess ġudizzjarju. Huwa kruċjali li l-pajjiż jirritorna għan-normalità,” saħqu l-Avukati waqt li appellaw biex minnufih jiddaħħlu dawk ir-riformi Kostituzzjonali li huma meħtieġa biex tkun assigurata l-indipendenza tal-istituzzjonijiet.

Il-Kamra tal-Avukati kompliet tisħaq li kwalunkwe persuna fil-poter li l-pożizzjoni tagħha hija waħda ta’ kunflitt ta’ interess minħabba r-relazzjoni ma’ persuni oħra involuti jew imsemmija fl-investigazzjoni li għaddejja, għandhom iwarrbu biex il-proċess ikompli għaddej mingħajr interferenza.

“F’dawn iċ-ċirkosanzi straordinarji, il-pożizzjoni tal-Prim Ministru ma għadhiex tenibbli. F’ġieħ ir-reputazzjoni u l-kredibbilità tal-pajjiż, il-Prim Ministru għandu jirriżenja. Issa huwa ż-żmien,” saħqu l-Avukati waqt li insistew li jekk il-Prim Ministru se jtawwal dak li hu “inevitabbli” se jwassal biss biex tittappan l-integrità u l-kredibbilità tal-proċess investigattiv.

Komplew jisħqu li jekk il-Prim Ministru mhux jifhem l-importanza li jirriżenja issa, il-piż jaqa’ fuq il-kollegi tiegħu fil-kabinett u fil-Parlament biex ma jibqgħux jappoġġjawh.

More in Politika