Tumas Group b'rapport estern u indipendenti biex iserraħ ras l-investituri

Fi stqarrija il-Bord tad-Diretturi ta’ Tumas Investments serraħ ras l-investituri kollha wara l-aħħar żviluppi fuq Yorgen Fenech

Wara l-aħħar żviluppi fil-każ ta’ Yorgen Fenech, issa akkużat bħala l-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Bord tad-Diretturi ta’ Tumas Investments plc ħareġ stqarrija biex isserraħ ras dawk kollha li investew fil-kumpanija u fi Spinola Development Company Limited (SDC).

Huma saħqu li r-riżenja ta’ Yorgen Fenech mhux mistennija timpatta l-immaniġjar ta’ Spinola Development Company Limited għax Raymond Fenech ilu mill-2014 fil-kariga ta’ Ċerpersin Eżekuttiv u anke Kap Uffiċjal Eżekuttiv. Fakkret li Yorgen Fenech ma kellu l-ebda rwol bħala Kap Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Tumas Group jew SDC.

Id-diretturi saħqu li minn meta ħarġu l-ewwel allegazzjonijiet fuq Fenech huwa dejjem ċaħad l-akkużi u għalhekk l-aħħar avvenimenti u aġġornamenti kkawżaw tħassib akbar u tennew li l-kumpanija tiddisassoċja ruħha mill-allegazzjonijiet li saru dwar Fenech.

Il-bord tad-diretturi saħaq li talab l-assigurazzjoni ta’ Tumas Group li dan bl-ebda mod ma bbenefika mill-attivitajiet illegali li allegatament wettaq Yorgen Fenech.

Biex tassigura aktar dan u s-serraħ ras l-investituri, Tumas Group se tkun qed tippubblika rapport estern u indipendenti.

More in Politika