L-Istitut Malti tal-Accountants ukoll jappella 'għall-bidla fit-tmexxija tal-pajjiż'
Fi stqarrija, l-accountants saħqu li l-pajjiż ma jistax jistenna aktar għax se tbati l-ekonomija u s-suq
More in Politika
Fi stqarrija, l-accountants saħqu li l-pajjiż ma jistax jistenna aktar għax se tbati l-ekonomija u s-suq
L-Istitut Malti tal-Accountants appella biex il-Gvern jibgħat messaġġ b’saħħtu fil-forma ta’ bidliet immedjati fl-amministrazzjoni tal-pajjiż u fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet relevanti, bil-għan li dan ireġġa’ lura l-pajjiż għas-serenità u l-kunfidenza fis-suq.
Fi stqarrija, l-Istitut saħaq li l-oġġettiv ewlieni bħalissa għandu jkun il-konklużjoni tal-investigazzjonijiet tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li jkun jiżgura li l-ġustizzja ssir, u tkun tidher li qed issir mingħajr ebda dell ta’ dubju.
“Kunflitti ta’ interess, veri jew mistħajla, m’għandhomx jimpattaw il-proċess jew ir-riżultati tal-investigazzjonijiet. Il-persuni li qed imexxu l-pajjiż, min-naħa tal-Gvern u fl-istituzzjonijiet relevanti, għażlu li jidħlu għar-responsabbiltà sabiex iħarsu s-soċjetà tagħna, l-ekonomija tagħna u s-suq tagħna. Dawn il-pożizzjonijiet iġorru magħhom responsabbiltà u kontabilità jekk l-oġġettivi jiġu milħuqa jew le. L-individwi fl-irwoli kompetenti għandhom iwarrbu issa biex ma tkomplix issir aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta u, fuq kollox, biex jerfgħu r-responsabbiltà politika,” insistew l-Accountants.
Saħqu li filwaqt li l-professjoni tagħhom hija kontinwament mistennija li tgħolli l-istandards tagħha, issegwi regolamentazzjoni dejjem aktar rigoruża u timxi b’mod xieraq f’kollox, jinsistu li bl-istess mod jistennew standards aktar għoljin mill-gvern, mis-settur pubbliku u mill-istituzzjonijiet relevanti.
L-Istitut saħaq li qed jaħdem “f’kundizzjonijiet iebsin minħabba d-diffikultajiet fis-servizzi bankarji b’korrispondenza, il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Moneyval u l-implikazzjonijiet potenzjali fuq il-profil tal-pajjiż permezz tal-qafas regolatorju li fih joperaw il-professjonisti, li jħalli impatt qawwi fuq is-suq.”
“Ninsabu diżappuntati b’ċerti elementi fil-gvern u fl-istituzzjonijiet. L-istandards għolja li kienu ġew imwiegħda issa għandhom jiġu attwati filwaqt li jiġu wkoll infurzati fuq is-settur privat u professjonali,” qalu l-accountants.
Appellaw biex dawn l-istandards għolja jiġu implimentati permezz ta’ bidla fit-tmexxija tal-pajjiż u tal-istituzzjonijiet.
“Ma nistgħux nistennew aktar; l-ekonomija u s-suq tagħna jitolbu dan,” ittemm l-istqarrija.