'Naħdmu għall-verità u l-ġustizzja iżda fl-imħabba u r-rispett lejn xulxin' - L-Isqfijiet

L-Isqfijiet jingħaqdu mal-President George Vella u appellaw għall-għaqda u r-rispett

L-Isqfijiet Maltin ingħaqdu fi stqarrija biex jappellaw għar-rispett u l-għaqda f’dak li huma jsejħulu bħala żmien ta’ tensjoni.

“Aħna l-Isqfijiet nixtiequ nagħmlu appell biex f’dawn il-ġranet ta’ tensjoni nfittxu li naħdmu flimkien, b’mod kalm u konvint, għall-verità u l-ġustizzja fl-imħabba u b’rispett lejn xulxin,” insistew l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Joe Galea Curmi.

Huma ngħaqdu mal-President George Vella u appellaw biex “is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnha ma tkabbarx il-firda u li, fi spirtu ta’ għaqda u għall-ikbar ġid tas-soċjetà Maltija u ta’ pajjiżna, naħdmu lkoll biex l-istituzzjonijiet tagħna jagħmlu d-dover tagħhom bir-reqqa u b’mod imparzjali.”

Saħqu kif filwaqt li jifhem li jkun hawn nuqqas ta’ qbil, appellaw biex kulħadd jingħata ċ-ċans jesprimi l-opinjoni tiegħu b’rispett “lejn il-verità u mingħajr ma naqgħu fin-nassa tal-mibegħda, tal-gideb u tal-vjolenza.”

“Jalla l-ħerqa li għandu l-poplu għall-ġustizzja, għall-verità u għall-onestà, tissarraf ukoll f’rispett lejn xulxin u fiċ-ċaħda ta’ kull vjolenza verbali jew fiżika,” insistew l-Isqfijiet.

More in Politika