Analiżi | It-tmiem ta’ Muscat. It-tmiem tal-Moviment?
Joseph Muscat dejjem tkellem fuq il-Moviment bħala xi ħaġa ikbar mill-Partit Laburista u l-legat tiegħu. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn is-suċċessi u l-kriżijiet ta’ dan il-moviment u tevalwa jekk dak li ġara dawn l-aħħar ġimgħat jimmarkax il-bidu tat-tmiem tiegħu, jew biss skossi momentarji
minn Albert Gauci Cunningham
Fit-12 ta’ Jannar is-separju fuq il-Gvern ta’ Muscat se jinżel. Min issa jibda jinkiteb il-legat ta’ Muscat, bil-kuluri kollha li jfissru u jispjegaw bl-aħjar mod possibbli lil dan ir-raġel u l-grupp ta’ rġiel u nisa li fl-aħħar sitt snin iggvernaw lil dan il-pajjiż.
Minkejja li d-destin politiku ta’ Muscat għad irid ikun issiġillat, huwa ċar illi nistgħu nikkonkludu, f’dan l-istadju illi l-legat ta’ Muscat jinqasam fl-estrem. X’jiġifieri?
Mhux biss dak li wettaq bħala fatt imma anke l-emozzjonijiet li jipprovoka Muscat huma estremi, viċin ħafna l-emozzjonijiet li qajmu mexxejja ta’ portata kbira mill-Indipendenza lil hawn, b’mod speċjali Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami.
Muscat iqajjem sens ta’ kważi adorazzjoni ta’ nies li jarawh bħala re u alla u l-aqwa ħaġa li ġrat lil-Labour minn Mintoff lil hawn. Is-sens ta’ ‘mħabba lejn il-mexxej’ u l-kult tal-personalità li daret mal-figura ta’ Muscat, kienet iktar minn sempliċiment xi ħaġa superfiċjali u momentarja.
Ħafna Laburisti u anke switchers raw f’Muscat is-salvazzjoni tal-Partit Laburista li kien tilef serje ta’ elezzjoniijiet, l-1998, ir-referendum u l-elezzjoni sussegwenti fl-2003 u reġa’, minkejja kull aspettattiva differenti tilef l-elezzjoni 2008. Ta’ min niftakru illi l-Labour tilef l-1998 wara li Dom Mintoff ivvota kontra mozzjoni dwar proġett fil-Kottonera u li magħha kien hemm marbut vot ta’ fiduċja fil-Gvern ta’ Alfred Sant.
Qabel din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista kien kiseb maġġoranza ta’ voti fl-1981, imma ggvernax għax ma rebaħx biżżejjed siġġijiet Parlamentari, l-1987 u rebaħ ukoll l-elezzjoni tal-1992.
Dan ifisser li Muscat ġie fil-partit wara, prattikament 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista, bl-attivisti Laburisti qalbhom maqtugħa u b’partit li kien kważi qed jitlef ir-raġuni tal-eżistenza tiegħu.
Il-poplu kien qed jistenna Kap tal-Oppożizzjoni ...
Suċċess politiku jorbot ħafna maż-żmien. Jekk politiku qed jinnaviga fi żmien mhux opportun, għalxejn ikollu l-aqwa u l-aħjar intenzjonijiet.
Eżempju ta’ dan bħalissa huwa Adrian Delia u qablu Simon Busuttil li minkejja l-intenzjonijiet kollha qed imexxu (jew kien imexxi) fi żmien meta l-poplu qajla jixtieq ibiddel il-Gvern.
Muscat daħal f’mument li ma setax ikun aktar opportun għall-Partit Laburista, meta l-poplu kien imxebba’ minn Gvern Nazzjonalista u wara li fl-2008 litteralment ivvutalu, kif jgħidu bl-Ingliż, b’imnieħru magħluq.
Dan il-fatt huwa kkonfermat mill-fatt illi lanqas kien ilu sena sewwa Muscat fil-kariga ta’ Mexxej, li ma rebaħx l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew (2009) b’maġġoranza ta’ 33,000 vot.
In-Nazzjonalisti ħasbu li dan ir-riżultat kien xi ħaġa ta’ darba, meta fil-fatt kien it-twelid ta’ moviment, l-istess moviment li qatt ma kien mhedded fl-eżistenza tiegħu daqs illum.
L-iżbalji, skandli u miżuri awsteri tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi servew biss biex jissaħħaħ l-istess moviment politiku.
‘Tagħna Lkoll...’ - ħolqien ta’ moviment li llum qed jiffaċċja l-akbar theddida
Il-messaġġ rebbieħ tal-Partit Laburista kien il-pern tal-moviment Laburista u r-raġuni tal-eżistenza tiegħu u kien miġbur f’espressjoni waħda; ‘Tagħna Lkoll’. Din hija l-idea illi Malta mhux tal-ftit imma tal-ħafna, viżjoni li tant nies emmnu fiha għax kien il-mument opportun li tkun indirizzata.
Din kienet viżjoni illi mhux min int u ma’ min iżżomm, imma x’taf u x’ħaqqek. Ma’ dan tingħaqad allura l-wegħda ta’ meritokrazija, jiġifieri li kulħadd jieħu li ħaqqu inkwantu mill-partit li jappoġġja.
Dan il-moviment kien jinkludi negozjanti kbar li ngħaqdu flimkien taħt il-kappa tal-Gvern Laburista, nies li xtaqu favur jew pjaċir jew xi permess u ma ħaduhx taħt Gvern Nazzjonalista, nies li kienu mxebbgħin bl-eċċessi tal-Gvern fil-governanza, l-ambjent u affarijiet oħrajn kif ukoll sezzjonijiet tal-popolazzjoni li kienu mwiegħda bidliet kbar, b’mod speċjali eluf ta’ persuni LGBTIQ.
Il-moviment politiku li ħoloq Muscat qed jiffaċċja l-akbar test tiegħu. L-akbar għedewwa tiegħu huma, min-naħa d-diżillużjoni u rabja kbira għall-episodju tal-Panama u aktar minn hekk għall-implikazzjoni illi Keith Schembri kien jaf jew saħnsitra parti mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan apparti rabja li ilha tinġema’ fuq perċezzjoni jew realtà ta’ eċċessi, xi kultant gravi, fl-ambjent, fin-nuqqas ta’ meritokrazija, fil-kostruzzjoni u aktar.
Min-naħa l-oħra, l-fatt minnu nnifsu li Muscat se jitlaq hija t-tieni theddida għal dan il-moviment. Muscat, u din għidniha diversi drabi hawnhekk, jibqa’ l-kolla li jorbot dawn l-interessi kollha flimkien.
Ladarba fit-12 ta’ Jannar jinżel Muscat din il-kolla ma tibqax u m’hemm ebda garanzija li tista’ terġa’ tifforma taħt Mexxej Laburista ieħor.
It-tielet u l-aħħar theddida hija l-mentalità ta’ assedju li bdiet bil-mod, il-mod terġa’ tikber fost ħafna Laburisti. Dan is-sentiment li ‘min mhux magħna jista’ jaħdem magħna’, falliet u ma tistax taħdem. Mhuwiex attivist wieħed biss li qed jippunta subgħajh lejn il-midja, inkluż l-ILLUM, kif ukoll lejn ħafna nies li daħlu fil-partit fl-aħħar snin u kienu kritiċi lejn l-aħħar żviluppi.
Apparti li huwa inġust ħafna li jsir attakk frontali fuq il-midja u korpi kostitwiti li sa ftit ilu kienu qed jappoġġjaw lill-Gvern, dan l-istess attakk juri żewġ affarijiet.
Il-Partit Laburista mexa mill-aħħar snin illi fih rari jekk qatt saru attakki diretti fuq il-midja mainstream. Anzi meta sar Mexxej Muscat, kien saħansitra ħeġġeġ lil Lou Bondi jmur mal-Labour.
Dan l-attakk juri wkoll livell ta’ inaċettazzjoni ta’ ħafna nies, probabbilment ġenwini, ta’ fejn waslet is-sitwazzjoni speċjalment fuq akkużi li jirrelataw il-Panama Papers.
Fil-quċċata tal-listi ekonomiċi u LGBTIQ
Il-legat ta’ Muscat jinkludi żewġ kisbiet ewlenin li hawn qbil ġenerali dwarhom fil-pajjiż.
L-akbar kisba ta’ Muscat kienet kif uża t-toqol u s-saħħa politika tiegħu biex ibiddel mentalità, minn dik konfessjonali u konservattiva għal waħda mill-aktar liberali.
L-introduzzjoni tal-unjoni ċivili, imbagħad iż-żwieġ ugwali u l-importanza li dawn ingħataw, kif ukoll it-titjib fil-leġiżlazzjoni tal-IVF biex jiżdiedu r-rati ta’ suċċess kif ukoll iċ-childcare centres b’xejn, għenu biex eluf ta’ persuni rebħu drittijiet jew kellhom ħajjithom magħmula aktar faċli.
Il-Gvern ta’ Muscat illegalizza wkoll il-kannabis għal fini mediċinali, ta l-vot lil żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena, iffaċilità u daħħal miżuri biex jgħinu ġenituri li jaddottaw, beda diskussjoni biex tiġi diskussa l-prostituzzjoni u introduċa u żamm il-miżura li tneħħi t-taxxa tal-boll minn fuq il-first time buyers kif ukoll is-second time buyers.
Dawn il-miżuri kollha għenu biex żiedu d-drittijiet filwaqt taw rankatura kbira lill-ekonomija u s-settur tal-bejgħ u kiri tal-proprjetà.
Taħt Muscat, Malta marret mill-qiegħ sal-quċċata fil-lista ta’ drittijiet ċivili u kienet minn fuq fl-istatistika f’dak li jirrigwarda t-tkabbir tal-ġid ekonomiku u l-qasam tax-xogħol.
Panama u 17 Black. Borma tbaqbaq li fl-aħħar faret u għamlet straġi...
Il-legat ta’ Muscat, ġeneralment pożittiv, ġie mċappas b’mod permanenti u b’dannu mill-iskandlu tal-Panama Papers u dak kollu marbut miegħu direttament kif ukoll indirettament magħhom.
Mhux se nidħlu fil-kwistjoni kollha tal-Panama Papers li ħafna nies, ormaj, issa jafu x’inhi. Se nħarsu minflok lejn l-effett.
In-nies ma qabdux u emmnu t-trufijiet u kumbinazzjonijiet diaboliċi mil-lejl għan-nhar imma kien hemm realizzazzjoni maż-żmien illi dawk involuti setgħu kienu qed jigdbu.
L-arrest ta’ Yorgen Fenech, li apparti illi huwa negozjant kbir, huwa wkoll sid ta’ 17 Black qajjem pandemonju. Kien jidher minn dak il-punt li hemm qrubija perikoluża bejn Fenech u l-Gvern.
U fil-fatt, mas-sigħat dik il-qrubija żdiedet mhux naqset, kontra l-ħafna aspettattiva ta’ ħafna Laburisti li Caruana Galizia nqatlet minn xi ħadd relatat mal-kuntrabandu taż-żejt.
Din il-qrubija li kkulminat fl-akkuża ta’ Yorgen Fenech illi Schembri huwa l-mandant, kif ukoll l-arrest tiegħu għal bosta sigħat għamlet lil ħafna u ħafna nies skomdi, irrabjati jew inkwetati.
Il-ħelsien ta’ Schembri mingħajr spjegazzjoni iktar u iktar qajmet furur.
Biex tgħaxxaq ħarġet l-istorja, qatt miċħuda sa issa, li ittra tefgħet it-tort fuq il-Ministru Chris Cardona. Minkejja li l-akkuża kienet li Schembri kiteb biex jitfa’ l-qtil fuq is-suppost kollega tiegħu, Schembri ċaħad. Il-Gvern ma tantx jidher li ta toqol liċ-ċaħda ta’ Schembri għax reġa’ poġġa lil Cardona f’postu, li hija kundanna, jekk qatt kien hemm bżonnha tal-ħtija li l-Gvern qed jipprova jpoġġi fuq Schembri.
Dawn l-aħħar ġimagħtejn bi protesti dejjem jikbru, deher illi l-Gvern kien fi stat ta’ kroll assolut, b’żewġ riżenji ta’ tnejn mill-aktar nies qrib Muscat.
Din il-borma tbaqbaq fl-aħħar faret u ġabet magħha mewġa ta’ protesti, tensjoni politika kbira, ġlied fil-kabinett u qasma, għall-ewwel darba bejn il-vuċi iktar irraġunata u l-vuċi estrema tal-Partit Laburista.
Ħruġ xejn glorjuż
Fil-Parlament stess nhar it-Tnejn Joseph Muscat qal li dan mhuwiex il-mod kif ried joħroġ.
Il-ħin tal-ħruġ huwa mill-aktar ħażin għal diversi raġunijiet.
Minkejja li fir-realtà ftit kellu għażla hu deher li qed iċedi għall-pressjoni kbira li bdiet tikber minn Repubblika, il-PN, xi Korpi Kostitwiti u l-midja indipendenti .
Ħafna Laburisti ħadu dan bħala iritrar u telfa u għalhekk ħafna rawha bħala “paxxihom”. Minkejja dan Muscat se jibqa’ PM sat-12 ta’ Jannar u allura sakemm ikun elett mexxej ġdid.
Dan ħoloq rabja akbar u wassal għal sitwazzjoni fejn it-temperatura politika għoliet u messet quċċati li kienet ilha ma tmiss żmien twil.
Dan il-ħruġ ta’ Muscat ma kien glorjuż xejn u probabbilment dan jispjega għalfejn beda din il-kampanja ‘Niltaqgħu ma’ Joseph Muscat’, biex tal-inqas juri li l-poplu għadu warajh.
Minkejja li jinsab imbenġel sew Muscat, fl-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament, deher seren u kważi, kważi kuntent li se jitlaq. Fil-fatt ħin minnhom qal li issa qed jerħi naqra lsienu u li interesssanti tkun li jara kif inhi l-ħajja fuq il-backbench.
Dan id-diskors bħal dawk kollha li għamel Muscat kien wieħed tajjeb u dinjituż, kompletament differenti mill-komportament tal-eks Prim Ministru Alfred Sant li ffaċjat bi kriżi intilef f’rabja u xi minn daqqiet isterja.
Watergate ta’ Nixon, Panama ta’ Muscat
Dan li qed jiġri jixbah xi ftit dak li ġara fl-Istati Uniti bil-President Richard Nixon. Tgħidilna kif?
Għal dawk li forsi ma jafux il-President Nixon kellu riżultati elettorali eċċellenti minn meta tela’ fil-Gvern.
Fl-1968, il-Partit Repubblikan ta’ Nixon kien l-aktar wieħed li kiseb voti b’43.4%. Dan ma kienx xi rekord partikolari imma ftit biss iktar mid-Demokratiċi li kienu kisbu 42.7%. Dakinhar l-Indipendenti ta’ George Wallace kienu kisbu ftit iktar minn 13%.
Wara li Nixon għamel erba’ snin u allura t-terminu kollu, fl-elezzjoni tal-1978 il-poplu Amerikan ta mandat b’saħħtu ħafna lil Nixon b’riżultat ta’ 60% favur tiegħu.
Sena wara din ir-rebħa kolossali, Nixon iffaċċja l-iskandlu ta’ Watergate. Dan l-iskandlu maġġuri li heżżeż lill-Gvern Amerikan kien jitratta serqa nhar is-17 ta’ Ġunju 1972 fil-Watergate Office Building, li kien il-kwartieri tad-Demokratiċi.
Jirriżulta li l-amministrazzjoni ppruvat twettaq cover up ta’ dan l-att filwaqt li wara l-arrest instabet konnessjoni bejn flus kontanti li sabu fuq il-ħallelin u l-fond li kien juża Nixon għal kampanja tiegħu.
Nixon irriżenja, sentejn wara li rebaħ rebħa kolossali.
Forsi l-każi huma differenti u f’ta’ Malta qed nitkellmu fuq każi agħar sa issa, għax l-implikazzjoni f’pajjiżna huwa qtil.
Imma hemm tixbih fis-sekwenza u anke l-effett. Illum isem Nixon huwa instrinsikament marbut ma’ Watergate u viċi versa, anke jekk Nixon għamel diversi affarijiet nobbli bħala President (ma rebaħx b’60% ta’ xejn).
Dan jista’ jiġri lil Muscat. Mhux issa li s-seprarju għadu m’għalaqx u għadu frisk, imma snin, Prim Ministri, deċiżjonijiet u kriżijiet mil-lum.
Dan jista’ jispjega għalfejn Muscat jixtieq illi min ġej warajh jassigura narrattiva li tħallilu post tajjeb fil-futur imbiegħed.