Ta’ Sadeen jiftaħ kumpanija tal-kostruzzjoni ‘fantażma’ fl-Imrieħel

Ftit wara li l-kuntratturi Ġordaniżi ffirmaw ftehim mal-Gvern għall-AUM, Hani Hassan Salah fetaħ kumpanija tal-kostruzzjoni f’Malta. L-ILLUM marret fl-indirizz iżda din il-kumpanija ma tidher imkien

Hani Hasan Salah, il-persuna li jmexxi Sadeen Education Investment Ltd. fetaħ kumpanija tal-kostruzzjoni ftit biss wara li sar ftehim mal-istess Sadeen li fih din il-kumpanija Ġordaniża ngħatat medda ta’ art fiż-Żonqor, Wied il-Għajn. 

Il-kumpanija jisimha European Contracting Company u minkejja li għandha l-indirizz fi Triq il-Palazz l-Aħmar fl-Imrieħel, la uffiċċju u lanqas kaxxa tal-ittri m’hemm bl-isem ta’ din il-kumpanija f’din il-binja. 

Fil-fatt din il-gazzetta marret fil-binja biex tkellem lil rappreżentant tal-kumpanija, imma isem tal-kumpanija ma deher imkien, la fit-tabelli u lanqas fuq il-letter boxes. Fil-fatt fil-binja m’hemmx din il-kumpanija u persuni li jaħdmu hemm ma kinux jafu b’tali kumpanija. 

Il-kumpanija li fetaħ Hani Hassan tispeċjalizza fil-bini, riabilitazzjoni, kif ukoll xogħlijiet elettriċi. 

Minkejja li l-kumpanija ta’ Hassan ilha miftuħa mill-2015 mir-rekords ma jidhirx li sa issa qatt innegozjat xogħol tant li l-kapital tal-kumpanija huwa l-minimu rikjest biex tinfetaħ kumpanija, jiġifieri €1,200. 

Iċ-ċifri juru illi Hassan mhuwiex qed jinnegozja b’din il-kumpanija ta’ kostruzzjoni, fil-fatt in-numri li jissemmew fir-rapport tal-kumpanija juru wkoll illi din għamlet telf minimu ta’ €3,434 fl-2017.

Mhux ċar għal liema skop infetħet din il-kumpanija, għalkemm espert fil-qasam finanzjarju li tkellem mal-ILLUM sostna illi l-kumpanija għadha qed topera u l-kontijiet qed ikunu aġġornati wkoll. “Ħadd ma jżomm kumpanija għalxejn,” sostna dan l-espert. 

Din mhijiex l-unika kumpanija li fetaħ Hani Hassan bi struttura simili ħafna. Fil-fatt Daphne Caruana Galizia,nhar id-9 ta’ Mejju 2015, kienet żvelat kif Hassan kien fetaħ kumpanija oħra illi tagħha hu l-unika shareholder, eżatt bħal European Contracting Company. Il-kumpanija l-oħra jisimha Sadeen Rehabilitation Services u nfetħet fl-2014 u allura meta Sadeen ġew pajjiżna. 

Kienet din il-gazzetta illi żvelat kif apparti li Sadeen Education Investment Ltd għadha lura ħafna fil-miri tal-istudenti, sal-2017, il-kumpanija kienet qed tagħmel €4.1 miljun f’telf. 

Il-gazzetta ILLUM żvelat kif il-kumpanija għandha €9 miljuni aktar obbligi finanzjarji (liabilities) milli assi u allura jekk l-ultimate beneficiary owner fl-Olanda jiddeċiedi li jinforza l-ħlas lura ta’ €22 miljun f’self, din il-kumpanija tfalli għax m’għandhiex biżżejjed assi. 

Minkejja li t-telf huwa normali meta tibda kumpanija, il-problema bl-American University of Malta hija li għadha lanqas biss laħqet kwart il-mira ta’ 700 student. Ir-rapporti finanzjarji li rat din il-gazzetta juru kif Sadeen kienu qed jiddependu minn dawn l-istudenti biex jibdew jagħmlu tajjeb għat-telf. 

L-American University of Malta,ilha f’nofs kontroversja minn meta tħabbar il-proġett, inizzjalment minħabba medda ta’ art agrikola b’veduti mill-isbaħ li kienet se tinbena. Iktar kemm beda jgħaddi żmien aktar beda jiżdied l-inkwiet fuq l-operat tal-kumpanija, il-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol tal-letturi kif ukoll il-miri, li finalment jaqbżu l-1,000 student. 

Din il-ġimgħa Sadeen kellhom aktar aħbarijiet ħżiena hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet applikazzjoni biex Sadeen jibnu dormitorju f’Bormla, fid-daħla tal-Isla minflok parkeġġ. 

More in Politika