Il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat evita l-midja waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew li għaliha qed jattendi fi Brussell u baqa' dieħel dritt għal-laqgħa mingħajr ħafna attenzjoni.
II-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte talab li jkollu laqgħa privata ma' Muscat u f'kummenti lill-midja insista li appella lil Muscat dwar l-importanza li f'Malta jkun hemm separazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Priim Ministru u l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
"Se nżomm ħarsti fuq Malta," kompla jgħid il-Prim Ministru Olandiż. Il-Pulizija Olandiżi kienu involuti fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, bid-Deputat Peter Omtzigt jieħu interess attiv f'dak li għaddej f'Malta.
Min-naħa tiegħu Muscat għamel stqarrija qasira li fiha insista li huwa xogħlu bħala Prim Ministru li jattendi għall-Kunsill.
"F'dan ix-xahar, sakemm ikun elett Prim Ministru ġdid, irrid inżomm l-amministrazzjoni tal-pajjiż għaddejja u dan jinkludi l-laqgħat tal-Kunsill. Jiena qiegħed hawn biex nissalvagwardja l-interess tal-pajjiż, filwaqt li niddiskutu t-tibdil fil-klima, u hekk se nagħmel sal-aħħar," saħaq Muscat.