Il-Parlament, inkluż ħafna mill-Ewroparlamentari Soċjalisti vvotaw kontra l-Gvern Malti u qablu li sakemm Joseph Muscat jibqa’ Prim Ministru jeżisti r-riskju li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia tkun imminata.
Kienu 581 Membru tal-Parlament Ewropew li vvotaw favur din ir-reżoluzzjoni li tressqet wara li delegazzjoni tal-istess Parlament żaret Malta biex tinvestiga l-aħħar żviluppi fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-fatt, anke ħafna mill-Partit Soċjalista, li miegħu hu affiljat il-Partit Laburista Malti, vvotaw kontra, hekk kif kienu biss 26 MEP li vvotaw kontra r-reżoluzzjoni. 83 astjenew.
L-eks President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, iddeskriva dan il-vot bħala vot ta' sfiduċja f'Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu u saħaq li għandhom jirriżenjaw immedjatamant.
Ir-reżoluzzjoni titratta l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u r-rabta li l-allegat mandant kellu maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
L-istess reżoluzzjoni hija mħassba dwar nuqqas ta’ progress f’investigazzjonijiet dwar każijiet oħra ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni, partikolarment fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Ir-reżoluzzjoni saħansitra tisħaq li jiddispjaċiha li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tieħu miżuri konkreti kontra Malta u tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda diskussjoni mal-awtoritajiet Maltin biex f’Malta tissaħħaħ is-Saltna tad-dritt.
Filwaqt li tisħaq li sar progress, partikolarment dwar uħud mir-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Venezja, tappella lill-Gvern Malti u lill-Parlament biex mingħajr dewmien jimplimenta l-leġislazzjoni neċessarja.
Ir-reżoluzzjoni ssejjaħ ukoll lill-Gvern Malti biex iwaqqaf il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.