'Dak li għamel Delia jista’ jippreġudika l-investigazzjonijiet' - Joseph Muscat

Joseph Muscat jgħid li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant b’mod sħiħ uriet kemm sar gideb fil-konfront tiegħu u familtu

F’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant b’mod sħiħ uriet kemm sar gideb fil-konfront tiegħu u familtu. Hu rrefera wkoll għad-deċiżjoni ta' Adrian Delia li jippubblika din l-inkjesta u qal li issa jrid jerfa’ hu r-responsabbiltà ta’ din il-pubblikazzjoni. 

Fi stqarrija li ħareġ, il-Partit Laburista qal li “Il-Prim Ministru kien diġà ddikjara li se jippubblikaha wara proċess immexxi mill-Kummissarju għal-Liġijiet li jara li ma jkunux preġudikati l-investigazzjonijiet”. 

Waqt li il-Prim Ministru tkellem dwar dak li hemm fl-inkjesta, hu qal ukoll li qed jittama li Delia ma ngħatax il-parir biex jippubblika u dan biex ikunu mfixkla l-investigazzjonijiet.

Kompla jgħid li issa seta jitkellem b’libertà u reġa’ ħareġ li l-konklużjonijiet huma ċari. Muscat żied jgħid li “ħareġ kemm gidbu fuqi u fuq marti…ħareġ ċar iktar minn qabel li kien hemm xi bravu jew brava li ffalsifikaw firem," dan b’referenza għall-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Muscat kompla jitkellem fuq Busuttil u saħaq li l-inkjesta ma kkonkluditx min iffalsifikahom. “Hu (Simon Busuttil) tgħabba bihom għax ħareġ in-nies fit-toroq. Ladarba għamilha tiegħu żgur politikament għamilha tiegħu”. 

Muscat iddikkjara li jitlaq mill-politika u allura jkun ċittadin privat, se jesiġi għall-ġustizzja u li ried investigazzjoni biex il-poplu jkun jaf min “ivvinta dawn il-firem foloz”. Hu qal ukoll li l-ewwel kulħadd ivvinta l-istejjer biex imbagħad kulħadd beda jwaħħal f’xulxin.

 

Skont Muscat il-parir li tah l-Avukat Ġenerali kien li jekk id-dokument jiġi ppubblikat kien se jippreġudika l-investigazzjonijiet. Ma dan żied jgħid li hu kien “l-uniku politiku li meta kien hemm kwistjoni bħal din qbadt u mort għand maġistrat”.

Dan il-kumment kien b’referenza għall-allegazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia kienet tellgħet kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-kwistjoni ta’ kont f’Jersey li kellu konnessjoni mal-prostituzzjoni f’Soho.  

Muscat ikkonkluda l-intervista tiegħu billi qal li “dak li għamel (Delia) jista’ qed jippreġudika l-investigazzjonijiet mela mbagħad responsabbli hu personalment u politikament”.

More in Politika