Intervista | ‘Muscat welled moviment li ma jibdiex u lanqas jispiċċa miegħu’
Se jkun l-aktar Deputat ġdid. Il-gazzetta ILLUM tintervista lil Jean Claude Micallef, iben trejd unjonista, minn familja Laburista, eks xandar fuq il-midja tal-PN, Xlukkajr u llum ammiratur ta’ Joseph Muscat
minn Albert Gauci Cunningham
Se jkun l-aktar Deputat ġdid fil-Parlament Malti u se jidħol fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż bi Prim Ministru ġdid. Xlukkajr, bħalissa jgħix iż-Żejtun, twieled f’familja Laburista akkanita u b’rabtiet mill-qrib mal-General Workers’ Union minħabba missieru, ivvota u daħal fil-Partit Nazzjonalista, deher fuq in-Net u bħal eluf kbar oħrajn reġa’ lura fil-partit malli Joseph Muscat beda joħroġ lil-Labour mill-apatija u d-diżillużjoni ta’ diversi telfiet li kien sofra.
L-ILLUM tintervista lil Jean Claude Micallef, ftit jiem wara li kien elett Deputat u tibda mll-ewwel fuq is-sitwazzjoni preżenti.
‘Jiena rrid inkun pilastru mhux switcher’
Jidher li qed jikber is-sentiment anti-‘votanti li bdew jivvutaw Labour fl-aħħar snin’, dawk li jgħidulhom switchers. Qed jikber is-sentiment li l-partit ma jmessux jaċċetta nies li ġew mill-PN, li dawn “ħadu kollox” u li dawn kollha opportunisti. X’qed jgħidulu n-nies? U jaħseb li dan is-sentiment jimmarka t-tmiem tal-Movment ta’ Muscat?
“Jiena fl-aħħar elezzjoni għidt illi se nkun spalla ma’ spalla ma’ Muscat. Għidt li rrid nkun pilastru mhux switcher,” sostna Micallef.
Hu qal li moviment fih ikun hemm diversi movimenti u interessi u daqs kemm hu tajjeb l-istess jista’ jkollu risperkussjonijiet. “Però jiddistingwu minn kollox hemm l-ideali tal-partit. B’dawn l-ideali wettaq bidliet, fosthom fis-settur tal-libertrajiet ċivili u anke l-ekonomija, però kien hemm oqsma li ma indirizzax.”
Imma nerġa’ nistaqsih. Spiċċa l-moviment?
Micallef jgħid li ma jkunx għaqli li ngħidu illi l-moviment jibda u jispiċċa ma’ Muscat.
“Muscat ħoloq moviment li ma jiqafx miegħu biss. Jiena nemmen li fil-fatt kienu dawk il-movimenti u ċ-ċaqlieq fil-moviment li wasslu biex jispiċċa Muscat. Imma l-ideal tal-partit jibqa’ hemm.”
Huwa jgħid li meta partit ma jibqax leali lejn l-ideali jitlef ħafna nies. “Din ġrat fil-PN,” ifakkar.
Huwa jammetti li l-PL tbiegħed minn ċerti ideali imma jsostni li aġġusta biex ikun jista’ jirbaħ, “U l-proċess li għadda u li għaddej minnu l-partit se jwassal biex dan l-ideal jissaħħaħ.”
Qed isemmi ħafna l-ideal. Il-gazzetta tistaqsih, imma llum, fid-dinja tal-lum, bl-aspettattivi politiċi tal-lum x’inhu t-twemmin tal-partit?
“Il-Partit Laburista mibni fuq ix-xogħol, fuq il-kilba li niġġieldu l-inġustizzji f’soċjetà li tirrispetta lil kulħadd,” irrisponda Jean Claude Micallef.
Iżda f’ħafna mill-intervista Micallef isemmi l-isport u jgħid li f’mument fejn hemm bżonn l-għaqda, huwa importanti li ninvestu fl-isport. “L-isport għadna nużawh għall-orgolju u l-għaqda.”
‘Mhux kriżi kostituzzjonali, imma kriżi morali’
Imma mhux qed isemmi kwistjonijiet ta’ trasparenza. Ejja nammettuha, il-Gvern jinsab fi kriżi, forsi anke Kostituzzjonali, le?
Micallef isostni li kbira li tgħid kostituzzjonali, “imma kriżi morali iva. Il-Gvern jinsab f’sitwazzjoni politika sensittiva iva,” jammetti Micallef li mill-ewwel isostni li l-partit idawwar din id-diffikultà f’opportunità.
“U dan juri li f’pajjiżna verament għandna istituzzjonijiet li jaħdmu, li għandna s-saltna tad-dritt. Vera forsi l-istituzzjonijiet jeħtieġ ikunu aktar effiċjenti u spediti, imma saltna tad-dritt hawn,” jisħaq Micallef.
Huwa jisħaq iżda li jħoss illi l-Gvern ma rrelatax mal-midja barranija tajjeb u biżżejjed. “Naħseb li kif irrelatajna mal-midja internazzjonali ma kienx tajjeb għax min kellu intenzjonijiet malinni għamel ħsara lill-pajjiż.”
Infakkru illi minkejja dak li qed jgħid il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-aħħar żviluppi, saħansitra l-interrogazzjoni għal sigħat twal ta’ Keith Schembri ma sarux jaf bihom l-Ewropej għax l-Oppożizzjoni kebbset in-nar, imma għax huma kwistjonijiet kbar u jaħarqu.
“Imma li jiġu pajjiżi li l-modus operandi tagħhom huwa ’l bogħod mit-trasparenza u tiġi tippontifika lil Malta, ma naħsibx li huwa ġust, minkejja dan ma nistax nifhem l-atteġġjament ta’ Casa u Metsola. Jiena għalija li toqgħod tiddieħak bil-Prim Ministru jibgħat messaġġ ikrah,” jisħaq Jean Claude Micallef.
Jerġa’ jinsisti li l-Gvern ma kienx iffukat biżżejjed fuq it-twassil tal-messaġġ u r-relazzjoni mal-midja barranija.
Fid-dawl ta’ dak li qed tgħid għandi nifhem li ssib il-kritika li Robert Metsola u David Casa, iġġustifikata.
“Dażgur li ġġustifikata,” jinsisti.
Kemm ilu Delia kap tal-PN kellmu xi ħadd biex forsi jmur lura?
Micallef jgħid li ma kienx hemm għalfejn. “Lili ħadd ma keċċieni jew warrabni. Jiena għażilt li nwarrab mill-aġenda tal-mibegħda u l-ħdura,” jgħid id-Deputat Laburista.
Minkejja li hu se jkun Deputat, Micallef għadu ma daħalx uffiċjalment fil-Parlament, fejn hu mistenni li jagħti l-ewwel diskors tiegħu.
“Jiena ġej minn sfond sportiv u kultura. Fl-isport kont atleta, uffiċjal u amministratur. Kont imdaħħal f’diversi assoċjazzjonijiet.”
Hawnhekk Micallef jitkellem għal ftit ħin dwar l-isport f’Malta u jgħid illi jiddispjaċih illi Malta tbaxxi rasha u bħal donnha taċċetta li sa hawn nistgħu naslu fl-isport. “L-isport jista’ jġib l-għaqda imma jista’ jkun ukoll mutur ekonomiku, filwaqt li juża t-talenti li għandna fil-pajjiż.”
Huwa jgħid illi minkejja li ngħidu li rridu nesportaw l-isport Malti internazzjonalment, m’hawnx qafas ta’ appoġġ, lanqas fl-istrutturi tal-Gvern.
Min-naħa l-oħra Micallef jgħid li ma jistax ikun hemm suċċess reali jekk ma ssirx kampanja edukattiva b’miżuri drastiċi.
Ċarament mela l-isport se jkun wieħed mis-suġġetti prinċipali fil-ħidma tiegħu, “fil-fatt l-aktar nies li ferħu miegħi meta sirt deputat kienet il-familja sportiva.”
Insemmilu numru ta’ nies u suġġetti, biex nibnu profil politiku ta’ Micallef.
Daphne Caruana Galizia: “Ma naqbilx magħha għal mod inġust li kienet tuża stejjer li setgħu jagħmlu ġid, imma li wasslu għal ħafna deni.”
Imma ma jirrikonoxxix li Caruana Galizia kellha stejjer li ġew ippruvati veri u li heżżu l-klassi politika Maltija?
“Iva kif għidtlek, anke int u bosta ġurnalisti oħrajn jiktbu stejjer, imma fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia l-kitbiet tagħha kienu nstigati minn aġendi, li żgur ma kinux fl-interess nazzjonali.”
Abort: “Jiena kontra l-abort,” jibda jgħid Micallef. “Jiena nemmen li l-ħajja tibda mill-konċepiment u aħna bħala Laburisti kommessi li naġevolaw lil min m’għandux leħen u vuċi. U allura żgur it-tarbija fil-ġuf hija l-aktar li nipproteġu.”
Kwoti ta’ nisa fil-Parlament:“Meta kont fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kont għaddejt mozzjoni biex l-Eżekuttiv ikun maqsum bejn seba’ nisa u seba’ rġiel,” qal Micallef.
Hu qal li jaraha xi ħaġa tajba li jkun hemm aktar nisa biex ikun hemm perspettiva differenti minn dik tal-irġiel.
“Biss imbagħad hija kwistjoni ta’ karattru, m’għandniex nagħżlu fuq bażi ta’ sess. Is-sess huwa irrilevanti.”
Jiġifieri jaqbel jew le?
“F’dinja ideali ma jkollniex kwoti.”
L-iskema tal-IIP, il-bejgħ taċ-ċittadinanza: Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Micallef, l-iskema IIP titneħħa kompletament, titħalla kif inhi jew inbidlluha?
“Fuq l-IIP jiena naqbel mija fil-mija ma’ Chris Fearne, jiġifieri li għandha tinbidel.”
Chris Fearne: “Chris Fearne, flimkien ma’ Helena Dalli flimkien ma’ missieri appoġġjaw u kienu wara l-kandidatura tiegħi fil-Partit Laburista.”
Micallef iħoss li Fearne ddistingwa lilu nnifsu malajr bħala politiku u “minkejja li għandna stil differenti, naħseb illi Fearne għandu ħafna x’joffri lill-partit u lill-pajjiż.”
Eddie Fenech Adami: “Eddie Fenech Adami persuna diviżiva imma kien ukoll l-ewwel persuna li ħoloq moviment madwaru, il-moviment tal-Ewropa,” li fil-bidu tal-intervista Micallef ifakkar li kien parti minnu.
Huwa jgħid li Fenech Adami għandu diversi kwalitajiet li għandu wkoll Joseph Muscat, “bid-differenza li t-track record elettorali ta’ Muscat jisboq dak ta’ Fenech Adami.”
Robert Abela: “Persuna sportiva li naf minħabba missirijietna. Persuna li jisma’ aktar milli jitkellem, għalkemm nixtieq narah jitkellem aktar.”
Huwa temm jgħid li hu jaqbel mal-għajta ta’ Abela illi l-partit jibqa’ akbar mill-moviment, stqarrija li din il-gazzetta sabet xi ftit jew wisq sorprendenti.
Manuel Delia u l-protesti: "Li kieku nitrattaw iż-żewġ kwistjonijiet separatament aħjar.
“Il-protesti huma dritt. Li forsi wieħed jeseġera jġib sentiment xi ftit mhux sabiħ. Però ma naqbilx ma’ min qagħad jitkaża għax għajtu naqra żżejjed. Inti tipprotesta għax imdejjaq (bis-sitwazzjoni). Tgħdlix kif ngħid ‘ajma’, ara kif weġġgħajtni. sostna Micallef.
Min-naħa l-oħra iżda Micallef qal illi jikkundanna meta l-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia ġew attakkati xħin kienu fil-karozza, mingħajr wisq sigurtà u folla rrabjata tagħti fuq il-karozza.
Media indipendenti: Il-gazzetta tisħaq illi jidher li l-PL qed jiddistakka lilu nnifsu sew mill-media indipendenti u jħares lejha b’ċerta dubju u paranojja.
Micallef ifakkar li teknikament hu għadu parti mill-media u għandu relazzjoni “eċċellenti” mal-media.
“Naħseb li hemm ħafna appoġġ x’jingħata u xogħol xi jsir, mhux biss għall-ġurnalisti imma lid-dinja tal-media.”
Huwa jammetti illi r-relazzjoni tal-Partit Laburista mal-media llum mhix l-istess bħal dik li kien hemm fl-2013.
“Allura jinħolqu konspiraziji u xi kultant anke fake news. Imma mhux it-tort tal-ġurnalist, fis-sens jekk jiena bħala politiku ma nitkellimx inkun qed inħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalija.”
“Jiena rrid nara li nkun pont bejn il-partit u l-media,” saħaq Micallef.
Unions u drittijiet tal-ħaddiema: “It-trejd unjoniżmu daħal fit-tfulija tiegħi u trabbejt fih, minħabba missieri,” ifakkar Micallef. Missieru kien jokkupa kariga importanti fil-GWU.
“Għandi ħbiberija wkoll mal-UĦM, fejn naqbel fuq diversi punti ma’ Josef Vella,” saħaq Micallef dwar il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Voice of the Workers.
“It-trejd unjins iridu joqogħdu attenti li ma jsirux irrelevanti. Naħseb li m’għamlux biżżejjed avvanz f’oqsma ġodda ta’ xogħol. Dan apparti l-fattur ta’ ħaddiema barranin li qed ikunu wieħed mill-akbar impedimenti għal ftehim kollettiv. Irridu naraw kif qed jinħarġu l-kuntratti u anke l-ġlieda kontra l-black market.”
Hu qal illi huwa dan li għandu jkun il-ħidma tal-unjins “mhux li jkunu forċina, għall-ebda Gvern.”
Joseph Muscat: Micallef jgħid li dan kien talbu joħroġ u jagħti sehem sħiħ lill-partit.
“Hu ġabni lura d-dar,” jgħid Micallef.
“Issa mal-grupp parlamentari u ma’ ħafna Laburisti li jħobbu lill-partit, nirranġaw lill-partit, we get our house in order.”
Muscat, jistqar Micallef, “ħalla legat enormi, ta’ ħidma politika, ta’ tama u stimolu u motivazzjoni u issa għamlu partit rebbieħ.”
“Issa nikkonservaw li għandna imma wkoll inkunu inovattivi biex inkomplu dak li beda Muscat,” temm jgħid Micallef.