Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel talba formali biex Karl Cini jkun investigat immedjatament u dan wara dak li rrakkomanda l-Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja fir-rapport tal-inkjesta Egrant.
F'konferenza tal-aħbarijiet quddiem id-Depot, Delia insista li l-poplu għandu dritt ikun jaf kollox u insista li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu l-obbligu li jinvestiga lil Cini.
Fir-rapport tal-inkjesta Ergrant, il-Maġistrat Aaron Bugeja iddikjara li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinvestiga d-diskrepanzi fix-xhieda ta' Karl Cini.
Fix-xhieda dettaljata tiegħu, Karl Cini qal li huwa waqqaf biss tliet kumpaniji fil-Panama, madanakollu, il-Maġistrat Aaron Bugeja jikkwota l-Forensic Accountants Harbinson Forensics li sabu li huwa kien fil-fatt waqqaf ukoll il-kumpanija Real Trade Investments Global Corp fil-Panama (u mhux fil-BVI kif hu semma fix-xhieda tiegħu).
Apparti minn hekk, Karl Cini jtenni li kien waqqaf erba' kumpaniji fil-British Virgin Islands ċioe Comerco, Durellie, Real Trade Investments u Willerby.
Madanakollu, jkompli jgħid ir-rapport, Cini naqas milli jsemmi lill-kumpaniji Colson, Selson, Lester, SPX, Blue Sea, Torbridge jew Berdil.
Minħabba dawn u anke raġunijiet oħra, il-Maġistrat jikkonkludi li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinvestiga dawn id-diskrepanzi fix-xhieda ta' Karl Cini "stante li kif irriżulta mill-provi dokumentarji aktar 'il fuq imsemmija juru li jista' jkun hemm prima faciae ġurament falz min-naħa tiegħu."
'Ma hemmx x'jinvestigaw dwari'
Mistoqsi għaliex ma talabx investigazzjoni dwaru nnifsu wkoll, il-Kap Nazzjonalista insista li hemm xejn x’ikun investigat dwaru. Dan minkejja li Daphne Caruana Galizia kienet allegat li f’kont li Delia kellu f’Barclays' International Bank kienu qed jidħlu flus mill-prostituzzjoni f’Soho.
Delia dejjem ċaħad dawn l-akkużi.
Fakkar li sentejn ilu l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni Parlamentari biex ikunu investigati l-allegazzjonijiet kollha li għamlet Daphne Caruana Galizia u kien l-Gvern li vvota kontriha.
“Jiena għidt kemm-il darba lill-Kummissajru tal-Pulizija Lawrence Cutajar li jiena qiegħed hawn u ma nibżax mill-verità u mhux se naħrab. La am bdewx proċedura kontrija, ifisser li ma għandhomx x’jinvestigaw,” saħaq.
Stieden lil Chris Fearne li qal li se jkun qed jassigura investigazzjonijiet, inkluż fuqu biex jagħmel dan illum u mhux jistenna li jsir Prim Ministru.
Intant, fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija saħaq li l-investigazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Egrant għadhom għaddejin.