'Se nerġa’ nikkontesta u nżidu l-maġġoranza f’Għawdex' - Justyne Caruana
L-eks Ministru għal Għawdex tikkummenta għall-ewwel darba wara li rriżenjat
More in Politika
L-eks Ministru għal Għawdex tikkummenta għall-ewwel darba wara li rriżenjat
“Se nerġa’ nikkontesta u nżidu l-maġġoranza f’Għawdex.” Hekk saħqet l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fuq il-paġna tagħha fuq Facebook.
Hija rringrazzjat lil dawk kollha li wrew solidarjetà magħha f’dak li hu sejħitlu bħala mument diffiċli.
“Kburija bix-xogħol li wettaqt għax kif qal il-Prim Ministru gawdew minnu ħafna nies u ksibt riżultati għal Għawdex li huma bla preċedent u ħa jibqgħu jitgawdex għal ħafna snin,” saħqet Caruana. “Għad għandi 45 sena u baqali ħafna aktar x’noffri lill-poplu u lill-pajjiż ... se nkompli bil-ħidma tiegħi fil-Parlament.”
Caruana rriżenjat wara l-aħbar li r-raġel tagħha, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien siefer ma’ Yorgen Fenech u anke wara li ġie żvelat kif il-Pulizija għandha filmat tal-istess Valletta fir-rolls royce ta’ Fenech.
Valletta kien responsabbli mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Caruana Galizia fl-ewwel stadji tagħha, jiġifieri fi żmien meta kienet qed tinġabar l-evidenza.
Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija qal illi nhar il-Ħadd stess, wara rapporti dwar Valletta, mill-ewwel infetħu l-investigazzjonijiet.
"Valletta ġie mitkellem fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dwar dawn l-allegazzjonijiet illi qegħdin isiru. L-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu u fuq kull allegazzjoni li saret, għadhom għaddejjin," saħaq il-Korp.