Waqt konferenza tal-Aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi hu mhux se jadotta sistema ta' żewġ terzi tal-Parlament biex ikun maħtur Kummissarju tal-Pulizija, bħal ma ppropona Chris Fearne waqt il-kampanja għal Mexxej Laburista ġdid u l-Partit Nazzjonalista, qablu.
Minflok il-Gvern se jkun qed jagħmel sejħa pubblika, biex ikunu shortlisted il-kandidati favoriti mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Il-lista tittniżżel għal tnejn bil-Prim Ministru jagħżel hu dak li jħoss illi huwa l-aħjar kandidat għal din il-kariga.
Minn hemhekk dan l-isem imur quddiem il-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi tal-Parlament li jgħarbel din l-għażla. F'dan il-Kumitat, bħal kull Kumitat Parlamentari ieħor, il-Gvern għandu maġġoranza.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti f'Kastilja Abela fakkar li l-Kummissjoni Venezja imkien ma' tipproponi li l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari.