'Il-Green Deal hu ċans tad-deheb għal bidliet soċjali rivoluzzjonarji' - Josianne Cutajar

Cutajar, li hija standing rapporteur dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-Kumitat tal-Industrija, Teknoloġija u Riċerka, saħqet ma’ diversi Kummissarji Ewropej li l-patt il-ġdid m’għandux ikollu pilastru aħdar biss

Josinne Cutajar
Josinne Cutajar

"Issa li l-Parlament Ewropew adotta pożizzjoni pożittiva favur il-Green Deal Ewropew ġdid, dan hu l-mument li dan il-patt isarraf f’bidliet mhux biss ambjentali, iżda wkoll soċjali u ekonomiċi fl-iStati Membri kollha."

Hekk sostniet il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar, fir-rigward tal-Green Deal Ewropew, pjan ta’ investiment li se jkun qed ibiddel ix-xenarju ambjentali u industrijali Ewropew.

Cutajar, li hija standing rapporteur dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-Kumitat tal-Industrija, Teknoloġija u Riċerka, saħqet ma’ diversi Kummissarji Ewropej li l-patt il-ġdid m’għandux ikollu pilastru aħdar biss, iżda wkoll wieħed roża, li jirrappreżenta l-inugwaljanzi u diffikultajiet li jiffaċċjaw in-nisa, speċjalment fil-qasam tal-inġinerija, trasport, u teknoloġija.

“Il-bidla li se tkun qed isseħħ trid tkun mifruxa fuq l-oqsma kollha tal-ħajja. Hekk biss jista’ l-patt il-ġdid Ewropew itejjeb il-ħajja tagħna ċ-ċittadini,” saħqet Cutajar.

Cutajar tkellmet ukoll dwar il-Fond għat-Tranżizzjoni Ġusta, għodda essenzjali għal dawk il-pajjiżi li għandhom bżonn iktar għajnuna biex jibdlu s-sorsi ta’ enerġija tagħhom.

“Inkunu qed nonqsu jekk il-miżuri ta’ tranżizzjoni jiffukaw biss fuq bidliet loġistiċi, mingħajr ma nindirizzaw is-sistemi patrijarkali li qiegħdin iżommu lin-nisa lura milli jfittxu karriera f’industriji bħat-trasport u l-inġinjerija,” sostniet il-Membru Parlamentari Ewropew. Huwa għalhekk illi Cutajar qed tipproponi ħarsa fil-fond lejn l-istrutturi li jippermettu l-inugwaljanzi soċjali fl-impjieg, b’mod partikolari f’dawk is-setturi li huma dominati mill-irġiel.

“Għandna bżonn rivoluzzjoni soċjali li tuża t-talent u l-għarfien ta’ kull individwu, irrispettivament mill-ġeneru,” enfasizzat Cutajar.

More in Politika