Filmat | 'Ma rridx Kummissarju tal-Pulizija li jkun pupazz tal-politiċi' - Abela

Robert Abela jiltaqa' mal-komunità tan-negozju fil-Belt Valletta 

Robert Abela, fil-Belt Valletta
Robert Abela, fil-Belt Valletta

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija tas-sit illum.com.mt il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi kien hemm bżonn li r-riforma fil-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija timxi 'il quddiem. 

"Il-mudell li ħejjejna għandu diversi saffi u livelli ta' vvettjar, biss, biss se jkun hemm grilling pubbliku li jkun imxandar fuq it-televiżjoni," sostna Abela. 

"Jiena nemmen li ħriġna b'mudell li hu tant aħjar mill-mudell li ntuża sa issa u għal għexieren ta' snin. Jiena irrid li l-persuna magħżula bħala Kummissarju ma tkunx pupazz f'idejn il-politiċi," sostna l-Prim Ministru. 

Abela qatta' ħafna minn nofs ta' nhar ta' filgħodu jdur il-ħwienet fi Triq ir-Repubblika u jieħu b'idejn persuni li kienu l-Belt Valletta. Huwa wiegħed illi dawn il-laqgħat man-negozji se jkomplu. 

Preżenti miegħu kien hemm il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri, is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit u t-tmexxija tal-Kamra Maltija għall-Intrapriżi ż-żgħar. 

More in Politika