BirdLife Malta qed tressaq protest ġudizzjarju kontra l-Gvern b’rabta mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jpoġġi r-regolatur tal-kaċċa u l-insib taħt il- Ministeru għal Għawdex.
BirdLife Malta qed tiddeskrivi din id-deċiżjoni bħala waħda “dijabolika” u qed tisħaq li tibgħat messaġġ ħażin.
Il-Ministru għal Għawdex huwa Clint Camilleri, kaċċatur hu nnifsu u sa ftit jiem ilu, jiġifieri qabel il-kabinett il-ġdid, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi kienet taqa’ taħt il-Ministru għall-Ambjent.
Fil-protest, L-NGO qed tisħaq li skont l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jgħid ċar u tond li kwalunkwe referenza għal "Ministru" qed tirreferi għall-Ministru reponsabbli mill-Ambjent.
Għalhekk, skont l-NGO, bid-deċiżjoni tiegħu, il-Gvern kiser il-liġi u qed tisħaq mal-Qorti biex id-deċiżjoni tinbidel u jkun assigurat li r-regolatur jerġa' jaqa' taħt il-Ministeru għall-Ambjent.
Il-Ministru għal Għawdex se jesegwixxi r-responsabbiltà bl-istess impenn tal-aħħar snin
Fi stqarrja li ħareġ il-Ministru għal Għawdex, hu qal "b’referenza għall-protest ġudizzjarju mdaħħal minn Birdlife Malta, il-Ministru għal Għawdex jerġa’ jtenni li din ir-responsabbiltà mogħtija kienet deċiżjoni tal-Gvern li se jkun qed jesegwixxi bl-istess impenn tal-aħħar snin. Li hu żgur hu li f’dan l-impenn se jibqa’ jkun hemm bilanċ adegwat bejn dawk li huma drittijiet tal-kaċċaturi u rispett lejn l-ambjent u l-liġijiet."