Artiklu tal-ILLUM dwar Pilatus jintwera waqt l-inkjesta pubblika; Id-Deputat Direttur tal-FIAU jwieġeb
Alfred Zammit jikkonferma li l-FIAU ma kellhiex biżżejjed informazzjoni biex tieħu passi kontra Pilatus iżda kienu 'mħassba' dwaru

minn Yendrick Cioffi

Illum kompliet l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bl-ewwel xhud ikun id-Deputat Direttur tal-FIAU Alfred Zammit li ġie muri artiklu tal-gazzetta ILLUM meta żvelajna rapport tal-FIAU dwar il-Bank Pilatus.
Zammit jirrikonoxxi r-rapport u anke l-firma tiegħu, filwaqt li saħaq li anke jekk ma kellhomx biżżejjed informazzjoni biex jieħdu passi kontra l-bank Pilatus, ma kienu xejn kuntenti bis-sitwazzjoni, anzi fi kliemu, kienu “mħassba.”
“Il-kwistjoni ewlenija ma kinitx biex nidentifikaw lill-klijenti, iżda s-sors tal-ġid u s-sors tal-finanzjament tal-klijenti,” insista Zammit.
Madanakollu Zammit deher attent ħafna xi jgħid dwar il-Bank Pilatus tant li għal aktar minn darba talab li jixhed fil-magħluq, talba li ntlaqgħet aktar tard tul is-seduta.
Jikkonferma li għaddew rapporti dwar Mizzi u Schembri lill-Pulizija
Apparti minn hekk, waqt is-seduta, Zammit intwera diversi rapporti li spiċċaw għand il-midja, inkluż wieħed dwar Konrad Mizzi u ieħor dwar Keith Schembri u l-bejgħ tal-passaporti.
Zammit ikkonferma li dawk id-dokumenti ma kinux finali u għaldaqstant mhux meqjusa bħala rapporti, iżda dokumenti interni li dwarhom ikun għadu qed isir ix-xogħol.
Mistoqsi dwar id-dokument fuq Konrad Mizzi, Zammit ikkonferma dak li kulħadd jaf, jiġifieri li r-rapport finali għadda għand il-Pulizija. Meta l-FIAU tgħaddi rapport lill-Pulizija, ikun hemm suspetti raġonevoli biex il-Pulizija tkun tista’ tinvestiga u tidħol aktar fid-dettall.
L-istess dwar ir-rapport ta’ Keith Schembri, Zammit ikkonferma li kien hemm suspett raġonevoli ta’ ħasil ta’ flus u għalhekk l-FIAU għaddiet ir-rapport lill-Pulizija.
“Fejn tidħol il-Pulizija dik hija xi ħaġa differenti,” insista Zammit.
Ħin minnhom meta kien qed ikun mistoqsi, Zammit għolla leħnu u l-Imħallef Michael Malli ġibidlu l-attenzjoni. Kien hawn li huwa skuża ruħu saħaq li għamel dan għax jiffrustra ruħu meta jara kif dawn id-dokumenti, kontra l-liġi, spiċċaw għand il-midja u ma ttieħdux passi kontra min għamel dan.
Iwieġeb dwar Jonathan Ferris
Qabel ix-xhieda kompliet tinstema' fil-magħluq, Zammit qal li ried jikkummenta dwar ix-xhieda tal-eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris.
Zammit saħaq li kien "sorpriż" meta Ferris qal li ma kienx jaf għaliex tkeċċa.
Insista li l-FIAU kienet ippreżentat lit-tribunal dwar l-impjiegi 23 raġuni għaliex tkeċċa.
"Kien hemm diversi raġunijiet. Għażilnih managar tat-tim ta' intelliġenza u għamilna żball. Kien manager terribbli, fl-aħħar mill-aħħar ridna nieħdu azzjoni," saħaq Zammit.
L-aħħar seduti
Fl-aħħar seduta xehed l-eks spettur tal-Pulizija u l-eks uffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris li tenna li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kien qallu li l-kumpanija Egrant, fil-Panama, kienet tal-Partit Laburista u tfisser 'election grant.'
Fis-seduti ta' qabel xehdu wkoll l-eks Ċerpersin tal-MFSA Joe Bannister bl-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino jisħaq li ma jiflaħx aktar jisma’ xhieda jfarfru mir-responsabbilitajiet tagħhom u jitfgħu l-ballun f’saqajn ħaddieħor.
Xehdu wkoll l-eks kummissarju tal-Pulizija u anke l-eks Kap tal-FIAU Manfred Galdes li insista li kien jistenna li se jittieħdu passi fuq rapporti li għaddew lill-Pulizija.
L-għan tal-inkjesta pubblika huwa biex tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ikun evitat u jekk l-Istat bl-azzjonijiet jew bin-nuqqas tagħhom, għenx biex tinħoloq klima li fih il-qtil seta’ jseħħ.


