Tard wara nofsinhar ssejħet laqgħa mill-President tar-Repubblika mad-Deputati Nazzjonalisti biex dawn jiddiskutu l-kriżi li f'inqas minn 24 siegħa ħakmet lill-Partit Nazzjonalista, speċifikament lit-tmexxija tal-partit.
Il-liġi tagħti d-dritt li l-President tar-Repubblika jagħżel bħala Kap tal-Oppożizzjoni lil dik il-persuna li tikkmanda l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari.
Minkejja dan, l-istess laqgħa kienet ikkanċellata, għal raġuni li għadha mhix ċara.
Kienu deputati tal-Partit Nazzjonalista li tkellmu mas-sit illum.com.mt u li aktar kmieni llum saħqu li qed jistennew lill-President isejħilhom.
Dak li ġara ...
Waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-bieraħ filgħaxija, laqgħa li damet ħames sigħat, maġġoranza ta' 17-il Deputat Nazzjonalista jridu lil Delia jitlaq.
F'Jannar tas-sena li għaddiet, il-gazzetta ILLUM żvelat kif numru ta' Deputati Nazzjonalisti lesti jiffirmaw stqarrija ta' sfiduċja f'Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni u jieħdu il-firem tagħhom għand il-President tar-Repubblika, dak iż-żmien Marie Louise Coleiro Preca.
F'każ li l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari jiddikjaraw quddiem il-President li ma għandhomx fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni, il-President ikollu jfittex lil dik il-persuna li jkollha l-appoġġ tal-maġġoranza.
Jekk dan iseħħ, ma jfissirx li Delia jitkeċċa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan ifisser li l-Kap tal-Oppożizzjoni jista' jkun persuna differenti mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, xi ħaġa li sa issa qatt ma ġrat fl-istorja politika tal-pajjiż.
Ilbieraħ filgħaxija, minkejja li waqt il-laqgħa Delia qal li kien se jirrifletti fuq it-talbiet li sarulu biex iwarrab, meta ħareġ u tkellem mal-midja deher deċiż li mhux se jirriżeżenja, anzi qal li se jieħu lill-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan xejn ma niżel tajjeb mad-Deputati, inkluż Jason Azzopardi li fuq Faecbook stess saħaq li qed iħossu tradut minn Delia.
Fil-fatt, diversi huma d-Deputati li qed ixerrdu stqarrija fuq Facebook biex jisħqu li waqt il-laqgħa, li jiddeskrivuha bħala kostruttiva, 17-il Deputat qalu lil Delia ċar u tond biex iwarrab.
Il-pressjoni kompliet tikber hekk kif fl-aħħar ħin irriżenja wkoll Robert Arrigo minn Viċi Kap u aktar tard anke Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali.