Il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela saħaq li ż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta għandha tkun okkażjoni ta’ għaqda nazzjonali.
Abela qal dan fi stqarrija ftit tal-ħin wara li l-President George Vella ħabbar li l-Papa Franġisku se jkun qed iżur Malta fil-31 ta’ Mejju li ġej.
Filwaqt li saħaq li l-Gvern jilqa’ b’ferħ din l-aħbar, insista li din l-okkażjoni għandha tfakkar lill-Maltin kemm Malta tgawdi r-rispett tal-mexxejja dinjin.
“Kull meta l-Kap tal-Knisja Kattolika żar lill-pajjiżna, pajjiż li għandu rabtiet storiċi, kulturali, soċjali u ta’ identità mal-Knisja Kattolika, dejjem kienet okkażjoni li fiha bħala pajjiż ingħaqadna, fejn insejna d-differenzi, fejn ħarisna ‘l quddiem u mhux lura. L-okkażjoni tal-31 ta’ Mejju li ġej se tkun l-istess,” saħaq il-Prim Ministru.
Abela fakkar li l-valuri li jitkellem fuqhom ta’ spiss il-Papa, jiġifieri l-għajnuna lill-proxxmu, it-tolleranza u d-drittijiet ċivili huma wkoll il-valuri li jemmen fihom il-Gvern.
“Ejjew nużaw din iż-żjara sabiex dawn il-valuri, li lkoll inħaddnu bħala poplu, inwassluhom bl-aħjar mod fi spirtu b’saħħtu ta’ għaqda u kburija nazzjonali,” temm jgħid Abela.