L-organizzazzjoni Repubblika qed tinsisti mal-Prim Ministru Robert Abela biex jaħtar inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qagħda fil-Korp tal-Pulizija.
Repubblika saħqet li jumejn wara li kitbu lill-Prim Ministru, ħarġet l-aħbar li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri talab lid- Direttorat għall-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet biex jinvestiga l-abbuż mis-sahra.
“Din hija miżura ta’ nofs kedda li tiknes il-problemi taħt it-tapit u twassal biss biex jeħel iż-żgħir. L-aġir tal-Gvern iwassal biss biex il-makku jinqabad imma min hu kbir u b’saħħtu jgħaddiha lixxa,” saħqet l-organizzazzjoni.
Saħqet li l-abbuż mis-sahra huwa biss sintomu ta’ problemi ferm akbar.
Akkużat lill-Gvern li ma jridx li toħroġ il-verità.
“Inkjesta pubblika u indipendenti biss tista’ tistabilixxi jekk teżisitix kultura ta’ abbuż, korruzzjoni, estorsjoni u impunità fil-Korp tal-Pulizija,” saħqu l-attivisti.