Simon: l-għażliet, l-għajtiet, is-suċċessi u t-tkaxkiriet

Din il-ġimgħa Simon Busuttil temm il-kariga politika lokali tiegħu. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-għażliet li għamel, il-battalji li ġġieled il-PN taħtu, l-effett 'Simon' fuq Adrian Delia u telfiet rekord

 

Simon Busuttil, it-tmiem fix-xenarju politiku lokali
Simon Busuttil, it-tmiem fix-xenarju politiku lokali

Simon Busuttil issa wasal biex itemm il-karriera politika lokali li ma damitx wisq, għalkemm xorta kienet tempestuża, ikkulurita  mimlija tlugħ u nżul, suċċessi u telfiet - fil-każ ta' Busuttil pjuttost kbar.

Hekk kif issa se jkun qiegħed iħalli Malta biex isir Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-gazzetta tagħti ħasra lejn l-akbar preġji u l-akbar żbalji ta' Busuttil. Dak li għollieh u dak li tah l-akbar tisbita li qatt qala' l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-governanza u l-korruzzjoni: nobbli imma ineffettivi elettoralment

B’mod ġenerali l-akbar fokus ta' Busuttil kien fuq il-korruzzjoni u governanza ħażina u mhux trasparenti. Gvern Laburista mmexxi minn Muscat ma ħalliex lill-kritiċi tiegħu b'xejn, anzi tahom ħafna xi jmeximxu fi skandli kontinwi, prattikament wieħed  wara l-ieħor.
Mill-Café Premiere, l-esproprijazzjoni li għamlet lil Gaffarena miljunarju b'daqqa ta' pinna, l-allegata korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, il-każ tal-isparatura fuq karozza minn dak li kien xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia, il-kuntratt lill-VGH u finalment - il-kaxxa ta' Pandora u wieħed mill-akbar skandli fl-aħħar snin - il-proġett tal-Power Station. Ma' dan tal-aħħar marbutin il-kumpaniji fil-Panama, miftuħin b'segretezza, tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u tal-eks Ministru Konrad Mizzi u ma' dawn marbuta l-kumpanija f’Dubaj ta' Yorgen Fenech li fiha allegatament daħlu flus mill-Ażerbjġan u mill-aġent tat-tanker tal-gass u li kienet klijenta diretta ta' Schembri u Mizzi. Fenech qed ikun akkużat bil-qtil politiku ta' Daphne Caruana Galizia.

U allura wieħed jistaqsi: quddiem din l-allegata xibka li jekk ikkonfermata tkun tista' tisejjaħ bħala waħda mill-agħar li qatt esperjenza pajjiżna fil-politika, kif inhu possibbli li n-nies mhux qed jagħtu aktar krettu lil Busuttil?

Ir-risposti għal din il-mistoqija huma kumplessi iżda wieħed jista' jgħid li hemm tlieta pinċipali.

1) Il-flus u l-ekonomija dejjem jissuperaw

Minkejja li l-għajta favur governanza tajba hija nobbli u importanti fl-iżvilupp demokratiku ta' pajjiż, hekk kif il-korruzzjoni hija minnha nnifisha inġustizzja soċjali, ħafna drabi popli jagħżlu skont il-but u allura, indirettament l-ekonomija.

'It’s the economy, stupid!' probabbilment tibqa' waħda mill-aktar espressjonijiet rilevanti u reali, mhux biss f'pajjiżi fqar imma anke dawk sinjuri.

Jekk inħarsu lejn l-istorja politika riċenti wieħed isib illi n-nies l-aktar li dejqithom il-korruzzjoni kien meta huma kienu magħfusin finanzjarjament jew inkella meta l-Gvern innifsu kien qed iwettaq miżuri ta' awsterità.

L-allegata korruzzjoni fix-xiri taż-żejt dejqet lil ħafna mhux biss għax kienet każ ta' governanza ħażina, imma għax ġiet fi żmien meta l-poplu u n-negozju kienu qed iħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma bl-għoli.

Il-fatt li l-ekonomija sejra tajjeb, flimkien mal-perċezzjoni forsi vera jew le, li qatt ma konna daqstant tajbin u li hawn il-flus fl-idejn, illoppja (politikament) lil firxa kbira ta' votanti.

Mhux argument rari li tisma' illi ladarba qed igawdi l-inividwu,  jew inkella ladarba "nqeda", li Ministru - speċjalment jekk huwa dak li qdigħ - "jisraq xi ftit" mhux xi ħaġa skandaluża.

Il-flus u l-ekonomija jibqgħu prioritá
Il-flus u l-ekonomija jibqgħu prioritá

2) Il-PN mhux pur

Issa jkun hemm min jgħid, "imma dawn għamlu aktar".  Il-punt imur lil hinn mill-kalkolu ta' aktar minn jew inqas minn.
Il-perċezzjoni iktar popolari, mhijiex li l-PL maħmuġ u l-PN anġlu imma li "t-tnejn l-istess" u "t-tnejn jieħdu għalihom u jfottu."

Dan huwa sentiment li ffavorixxa lill-Gvern, ċarament, fl-aħħar elezzjoni ġenerali. L-argumentazzjoni kienet illi “ladarba t-tnejn huma b'xi mod korrotti, nagħżel lil dak li naf u li miegħu qed ingawdi.”

L-esperjenza ta' Gvern Nazzjonalista kienet għadha friska wisq biex biżżejjed nies jemmnu illi l-PN huwa aktar nadif u korrett mil-Labour.

L-esperjenza ta' Gvern Nazzjonalista kienet għadha friska fil-memorja
L-esperjenza ta' Gvern Nazzjonalista kienet għadha friska fil-memorja

3) Ġie fi żmien ħażin ħafna

Fil-politika x-xorti tgħodd u parti importanti mix-xorti huwa ż-żmien. Eddie Fenech Adami, ma kienx ikun tal-istess kalibru kieku ma kienx imexxi l-PN waqt l-agħar żmien politiku ta' vjolenza u intolleranza, b'ekonomija protezzjonista u meta Gvern Laburista li kien iffriża l-applikazzjoni għas-sħubija ta' Malta fl-UE, waqa'.

Mintoff ma kienx ikun tal-istess kalibru kieku ma ġiex fiż-żmien opportun biex Malta tikseb l-indipendenza ekonomika u biex jinbena qafas sħiħ ta' protezzjoni soċjali u drittijiet ċivili.

Simon Busuttil (bħal Delia warajh) ġie fi żmien meta l-aptit biex jinbidel il-Gvern kien kważi nullifikat bit-tkabbir ekonomiku, riżultat elettorali storiku (sa dakinhar mhux imaġinabbli f'elezzjoni ġenerali) favur il-Partit Laburista u 25 sena ta' Gvern Nazzjonalista.

Egrant: Żball strateġiku kbir u disservizz għall-kawża

L-akkuża li Egrant hija jew kienet ta' Michelle Muscat baqgħet teżisti ġewwa vakum griż, minkejja rapport ta' inkjesta maġisterjali li juri illi ma nstabux provi li jorbtu din il-kumpanija fil-Panama, it-tielet waħda ma' dik ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, ma' Michelle Muscat.
Minkejja li n-narrattiva dwar Egrant kienet perfetta u kredibbli, speċjalment fid-dawl tal-fatt li Muscat baqa' jidher li akkost ta' kollox ma jridx ineħħi lil Schembri u Mizzi, qatt ma kien hemm xejn konkret għajr il-kelma ta' persuna waħda -  li jekk ma tridx l-Imħallef Aaron Bugeja qed jitlob li tiġi arrestata - akkużata li ħolqot kalunja.

Minkejja l-ispettakolarità tal-allegazzjoni, din dejjem baqgħet mibnija fuq ir-ramel u s-suspett, anke jekk iġġustifikat.

Meta Busuttil għamel dak il-famuż diskors kważi infjammatorju, jitlob lill-Pulizija u s-servizzi sigrieti jieħdu azzjoni kontra l-Gvern u l-PM, kien qed jagħmel tiegħu u jorbot il-fortuni politiċi tiegħu mal-allegazzjoni.  Muscat għamel ċert li hekk ikun, billi pinġa lilu nnifsu bħala l-vittma u lil Busuttil bħala l-giddieb u l-persuna li vvintat dik li sejjaħ "l-akbar gidba fl-istorja".

Meta wieħed jiftakar li Busuttil kellu aktar munizzjon fuq il-Gvern, speċjalment dik dwar flus bejn Keith Schembri u Adrian Hillman u anke l-kuntratt oxxen tal-VGH- malajr wieħed jinduna illi dak ta' Egrant kien riskju politiku li mhux talli ma ħadimx, talli kien kontro poduttiv, speċjalment meta ħareġ ir-rapport Maġisterjali. Dan ir-rapport mhux biss ma sabx biżżejed provi li jorbtu l-kumpanija ma' Michelle Muscat, talli sab inkonsistenzi gravi fuq ix-xhieda dwar id-decleration of trust; għand min kienet, minn fejn ġiet u x'kien fiha, il-firem fuq l-istess dikjarazzjoni, inkonsistenzi kontinwi fix-xhieda ta' Maria Efimova, il-famuż safe u l-ordni tal-istess Imħallef biex Efimova tkun arrestata u akkużata.

Minħabba l-allegazzjoni ta' Egrant kien sar aktar faċli għall-Partit Laburista - qabel l-aħħar żviluppi drammatiċi - li jdawwar dawn il-konklużjonijiet f'raġuni tajba biżżejjed li turi illi l-allegazzjonijiet kollha l-oħrajn (Panama, VGH, 17 Black ... ) kienu gideb.

Maria Efimova: L-eks impjegat tal-Pilatus wara l-allegazzjoni Egrant
Maria Efimova: L-eks impjegat tal-Pilatus wara l-allegazzjoni Egrant

Suċċessi elettorali bħala MEP u issa pożizzjoni prestiġġjuża

Qabel Busuttil kien elett Kap tal-Partit Nazzjonalista u allura "nħaraq" politikament minħabba żewġ telfiet kbar li sofra, kien meqjus bħala forza politika li tassew tista' tisfida lil Joseph Muscat.

Tant hu hekk, li meta telfa madornali kienet kważi ċerta għall-Gvern ta' Gonzi kien iddaħħal Busuttil bħala Viċi Kap, minflok Tonio Borg, u ngħata ħafna responsabbilità fosthom il-kitba tal-programm elettorali.

Sal-lum huwa l-aktar MEP li qatt kiseb voti f'elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'total ta' 68,782 vot fl-2009. L-eqreb li ġiet kienet Miriam Dalli b'total ta' 63,438 vot fl-2019.
Simon Busuttil dejjem kien b'xi mod allaċċjat mal-Unjoni Ewropea: beda l-karriera meta beda jmexxi l-Malta-EU Information Centre (MIC) li kien ċentru ta' informazzjoni dwar l-effetti ta' sħubija fl-UE u mossa strateġika ġenjali.

Fl-ewwel elezzjoni li kkontesta Busuttil kien kiseb 58,899 vot u allura kien l-ewwel persuna eletta MEP fl-istorja. Muscat kien warajh b'madwar 20,000 vot.

Naturalment din is-sitwazzjoni nbidlet sew fl-2014 u l-2017, meta għal darbtejn Muscat għadda lil Busuttil b'aktar minn 30,000 vot.
Probabbilment kien ikun aħjar għalih, politikament, kieku baqa' jaħdem f'ambitu politiku Ewropew.
Wieħed jista' jgħid illi bil-kariga prestiġġjuża ta' Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, Busuttil sejjer lura d-dar fl-ambitu politiku tiegħu.

Ta sens ta' skop lill-PN

 Kif diġà għidna, il-korruzzjoni u l-Governanza, huma materji importanti imma mhux li se jrebbħu elezzjoni lill-Oppożizzjoni jekk iċ-ċirkostanzi ekonomiċi jkunu tajbin.

Minkejja d-disfatta elettorali xorta jibqa' fatt li, kuntrarjament għal-lum, il-korruzzjoni u l-governanza taw skop li għaqqad flimkien minoranza kbira ta' nies.

Taħt Busuttil wieħed kien jaf illi l-PN, taqbel jew le, huwa fuq binarju u qed joffri front partikolari kontra jew favur xi ħaġa.
Min kien imweġġa', imdejjaq jew frustrat bi stejjer li kienu ħerġin mill-kamp Laburista kien jaf li jista' jivvota PN ma' sett ta' prinċipji jew argumentazzjoni.  Din illum ma teżistix. Il-PN bħalissa nieqes mill-iskop tal-eżistenza.

Busuttil vs Delia.

Minkejja li fl-aħħar diskors tiegħu qal li l-PN huwa front wieħed, ir-realtà turi li l-PN huwa ħafna affarijiet imma mhux front magħqud.
Minkejja li kellu kull dritt jibqa' deputat, il-preżenza ta' Busuttil naqqret il-kredibbilità ta' Delia mhux għenet. Iktar ma beda jgħaddi żmien, aktar beda jsir ċar li l-preżenza tiegħu fil-PN kienet qed tiġbed l-ammirazzjoni ta' sezzjoni mdaqqsa ta' votanti Nazzjonalisti li ma ridux lil Adrian Delia.

Minn barra, kien qed jidher dejjem aktar ċar li hu qed isir il-punt ta' referenza għal eluf ta' votanti Nazzjonalisti li kienu jattendu l-protesti, segwaċi ta' Daphne Caruana Galizia u li ma jarawx f'Delia Kap idoneu.

Anke jekk ma riedx - u din hija dibattibbli - bil-preżenza tiegħu, Delia baqa' jitqabbel miegħu, anke f'termini elettorali fejn Delia bi tqabbil tal-istess elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019 tilef 10,000 vot ma' dawk it-33,000 vot li bihom tilef Busuttil fl-2014.

Minkejja kollox, bosta votanti birdu ħafna fuq Busuttil u bilkemm ma ppuntawx subgħajhom lejh għas-sitwazzjoni li fiha jinsasb il-PN  bħalissa.

Għal Delia, it-tluq ta' Busuttil huwa xi ftit jew wisq ta' barka f'dan iż-żmien fejn il-pressjoni fuqu hija tqila immens.

Kif jarawh dawk li jammirawh?
Onest - għax iħossu li dejjem qal il-verità u kixifha f'diversi istanzi  
Nadif - għax mhux imdaħħal fi storja ta' korruzzjoni, tixħim jew ħmieġ
Perseveranti - għax baqa' jinsisti fuq il-governanza tajba u l-korruzzjoni, minkejja telfa kbira. Għalih dawn baqgħu prijorità
Ġentili - għax iħossu li huwa kalm u meqjus meta jitkellem. Ġentili wkoll fil-persuna u d-dehra tiegħu
Ġenwin - għax iħossu li dak li jaraw huwa dak li verament hu.

Kif jarawh dawk li ma jammirawhx?

Giddieb - għax iħossu li gideb u għamel tiegħu l-gidba li Egrant kienet ta' Michelle Muscat
Tellief - għax tilef l-uniku żewġ elezzjonijiet li mexxa fl-2014 u l-2017 - b'aktar minn 30,000 vot
Maqtugħ mir-realtà tan-nies - għax iħossu li maqtugħ mir-realtajiet tagħhom
Patronizzanti - għax iħossu li jkellimhom daqslikieku ma jifhmux u ma jifhimx dak li qed iħossu u l-għażliet tagħhom
Elitist - għaliex meqjus parti minn klassi ta' politiċi Nazzjonalisti mill-klassi ogħla

More in Politika