'Irrid lin-nies tiegħi' - Robert Abela lil Randolph De Battista

Sorsi jgħidu lil dan is-sit illi r-raġuni għat-tneħħija ta' Randolph De Battista hija li l-PM Abela jrid lil dawk li kkampanjaw miegħu jmexxu

Randolph De Battista (nofs) jiċċelebra rebħa Laburista
Randolph De Battista (nofs) jiċċelebra rebħa Laburista

Sorsi li tkelmu ma' dan is-sit qalu illi r-raġuni vera għat-tneħħija mhux mistennija ta' Randolph De Battista minn Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, hija parti minn bidla ħafna akbar biex fit-tmexxija tal-partit ikun hemm nies li huma tal-fiduċja tal-PM u Mexxej Laburista Robert Abela. 

Sorsi fil-Partit Laburista sostnew mal-illum.com.mt illi l-PM Abela qal lil Debattista: 'Jiena rrid lin-nies tiegħi.  Magħhom ħdimt il-kampanja tiegħi u magħhom irrid naħdem."

Cyrus Engerer, l-għarus ta' De Battista, kien qiegħed attivament jappoġġja lill-kandidatura ta' Chris Fearne.  

Waqt il-kampanja qam battibekk bejn Abela u Debattista dwar allegazzjonijiet minn Abela ta’ tbagħbis ta’ voti fl-elezzjoni biex il-Partit Laburista jeleġġi Mexxej ġdid.  Dan wara "inċident" li seħħ lejlet l-ewwel tas-sena fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u li qajjem tħassib li wieħed miż-żewġ kandidati seta’ kien qed jindaħal fil-proċess, partikolarmant fir-reġistru uffiċjali dwar dawk eliġibbli biex jivvotaw.

Dakinhar Debattista, mingħajr referenza diretta għal Robert Abela, kien qal illi mhu se jħalli lil ħadd jpoġġi dawl ikrah fuq il-proċess u s-sistema elettorali li biha ġie elett il-Mexxej Laburista. Kien qal illi kif kienet magħmula s-sistema ma setgħet qatt tħalli possibilitá ta' tbagħbis.

 Debattista kien ukoll wieħed mill-ewwel persuni u wieħed mill-ftit fil-Partit Laburista ili żżufjettaw bix-xhieda ta' Keith Schembri li fil-Qorti kien qal illi tilef il-mowbajl.  Malajr fil-fatt waslet ir-risposta ta' Neville Gafa', ħabib ta' Schembri, iktar kmieni llum: 'Ħadd wara Ħadd tasal ta' kulħadd'

Debattista nħatar Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista fl-2017, u kien ħa post Gino Cauchi.

Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid huwa George Azzopardi.

More in Politika