Bidu tajjeb ħafna fit-turiżmu ... L-aktar Jannar b'saħħtu fl-istorja

L-aqwa Jannar fl-istorja għat-turiżmu, tħabar il-Ministru Julia Farrugia Portelli

l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret li Jannar ta’ din is-sena kien l-iktar Jannar b’saħħtu li qatt kellna fl-istorja tat-turiżmu. Dan ħabbritu waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu li preżenti għaliha kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

 Farrugia Portelli qalet li dan l-ammont huwa ekwivalenti daqs l-aħjar xahar tal-peak season 10 snin ilu. Hija qalet kif Għawdex sar għażla naturali għat-turisti li jżuru pajjiżna u faħħret ir-riżultat pożittiv fiż-żieda ta’ 113% fl-iljieli tul dawn l-aħħar 10 snin.

Waqt din il-laqgħa, ħabbret ukoll li minn għada se jibda jiltaqa’ b’mod regolari kumitat magħmul minn stakehlders ewlenin fil-qasam tat-turiżmu, dan sabiex id f’id mal-Gvern jissorvelljaw kontinwament l-iżviluppi b’rabta mal-coronavirus COVID-19. F’konsultazzjoni mal-kumitat ċentrali maħtur mill-Gvern, dan il-working group se jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-industrija tat-turiżmu għal Għawdex mhijiex biss sempliċi kontributur ekonomiku, iżda il-mutur ewlieni għall-ekonomija ta’ Għawdex. Hu qal li l-ġid maħluq minn din l-industrija jfisser li huwa d-dmir u r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li dan il-kontributur ekonomiku jiġi sostnut fis-snin li ġejjin.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li s-suċċess ta’ Għawdex mhuwiex b’kumbinazzjoni.

 Hu faħħar l-isforzi tad-Direttorat tal-Kultura li jorganizzaw u jamministraw bosta attivitajiet biex iżommu lil Għawdex ħaj tul is-sena kollha u jattiraw it-turiżmu lejn Għawdex. Hawn fakkar fiċ-ċifri rekord ta’ nies li qasmu lejn Għawdex għall-jiem tal-Karnival. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm id-diskors tiegħu billi qal li se jkompli jaħdem bla waqfien biex Għawdex ikun id-destinazzjoni tal-għażla ta’ aktar Maltin u turisti.

 

More in Politika