25 bidwi, li jgħixu minn fuq għelieqi fiż-żona tal-Magħtab, fetħu protest ġudizzjarju biex jissalvagwardjaw dawn l-għelieqi minn estensjoni ta' proġett tal-Wasteserv. Dan il-protest infetaħ kontra l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia.
Il-bdiewa qed jgħidu li hemm theddida illi l-Gvern jieħu din l-art wara l-pubblikazjoni ta' legal notice li tgħid illi għal dan il-proġett hemm bżonn 226 tomna art.
Fil-protest huma qalu illi jekk isir dan il-proġett ikun ksur tad-dritt li jgawdu l-proprjetá tagħhom u ksur tad-drittijiet umani tagħhom. Il-protest ġudizzjarju jgħid ukoll illi l-faċilitajiet kurrenti mhux konformi mal-liġi.
Il-protest kien iffirmat mill-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Claire Bonello.
Il-PN juri solidarjetá mal-bdiewa u jwiegħed l-apoġġ tiegħu
Intant il-Partit Nazzjonalista wera' solidarjetà mal-bdiewa, ir-residenti u "dawk kollha li se jintlaqtu mid-deċiżjoni rresponsabbli li qed jieħu l-Gvern Laburista ... dan ifisser li dawn il-bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom u residenti se jispiċċaw imkeċċija minn fejn jgħixu fl-istess inħawi."
Il-Partit Nazzjonalista qal li minflok, il-Gvern għandu jiddikjara li din ir-raba mhix se tinqered u jinstabu soluzzjonijiet oħrajn u mod ieħor. "Il-PN qed jimpenja l-ħidma u r-riżorzi tiegħu bħala għajnuna għall-bdiewa f'din it-talba li tressqet lill-Gvern Laburista biex imur lura mid-deċiżjoni."