Kirjiet | ‘Morna minn estrem għal estrem ieħor’

Il-liġi l-ġdida dwar il-kirjiet daħlet fis-seħħ. Imma mhux kulħadd huwa kuntent biha. Douglas Salt jitkellem mal-gazzetta ILLUM

“Morna minn estrem għall-ieħor.” Hekk sostna ma’ din il-gazzetta Douglas Salt dwar il-liġi tal-kera, hekk kif din il-ġimgħa fil-fatt fi stqarrija ffirmata minnu, intqal li l-liġi tal-kera pilotata minn Roderick Galdes u li hija l-ewwel tat-tip tagħha, mhix qed issolvi l-problemi li suppost issolvi. 

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, Salt qal li ma tagħmilx sens li ma jkunx hemm libertà tal-mod kif tnejn minn nies jesegwixxu kuntratt. “Dan huwa kuntratt li qed jidħlu għalih tnejn minn nies u dawn għandhom jiddeċiedu huma x’għandu jistipola dak il-kuntratt,” sostna l-aġent li qal li naturalment dan kollu dejjem fil-qafas tal-liġi. 

“Għandu jkun hemm ir-reġsitrazzjoni tal-kuntratt, ħalli kollox ikun skont il-kuntratt u daqshekk.  Mhux toqgħod tindaħal fiż-żmien li għandha tkun twila l-kera,” sostna Salt. 

Id-durata minima hija fil-fatt waħda mill-bidliet kruċjali li ddaħħlu fil-liġi u kienet magħmula biex toffri aktar serħan il-moħħ lill-inkwilin. Minkejja dan, u minkejja li dan il-punt partikolari kien imfaħħar minn bosta, Salt jinsisti li huma jridu li jibqa’ jkun hemm il-libertà tal-kuntratt. 

Fil-kummenti tiegħu huwa jsemmi dettalji u bidliet fosthom dak dwar id-depożitu u l-fatt li issa inkwilin se jkollu dritt għad-depożitu li jagħti fil-bidu tal-kirja. “X’jiġifieri d-depożitu jingħata xorta jekk ikun hemm ksur ta’ kuntratt? U għalfejn tneħħiet l-abbilità li sid ma jaċċettax inkwilini b’annimali? Forsi hu jkun investa ħafna flus u ma jkunx irid annimali f’daru,” jirrimarka. 

Huwa jistaqsi wkoll għaliex is-sid għandu joqgħod jibgħat biex jgħarraf li mhux se jġedded il-kuntratt. “Jekk ikun kuntratt ta’ sena għaliex għandu joqgħod jibgħat jgħid lill-inkwilin li mhux se jġeddidlu. U jekk ma tridx jekk ma tibgħatlux biex tgħidlu għandu dritt jibqa’ fil-proprjetà.”  Salt jagħmel tixbih ma’ lukanda u jgħid li l-lukandier m’għandux għalfejn jistaqsik intix se ġġedded jekk it-tmiem tal-vaganza tiegħek huwa stabbilit. 

X’jaħseb li se jkunu r-riperkussjonijiet? Fl-istqarrija qal li hemm tnaqqis fil-buy-to-let, jista’ jikkwantifikah?

Salt ma jikkwantifikax għalkemm jgħid illi r-riperkussjonijiet se jinħassu ladarba fiż-żmien li ġej is-sidien jibdew jindunaw bir-restrizzjonijiet. 

“Din il-liġi hija kontra s-sid,” jisħaq Salt. 

Fl-istqarrija din il-ġimgħa, Salt qal li d-durata tal-kirjiet u n-nuqqas ta' libertà fil-kuntratti qed toħloq problemi serji fis-suq, kemm għas-sidien u anke għall-inkwilini," qalet stqarrija ffirmata minn Douglas Salt. 

Huwa qal illi dan qed iwassal biex is-sidien ikunu ħafna aktar attenti u selettivi meta jiġu biex jiffirmaw kuntratt.

"Il-liġi mhix se ssolvi kwistjonijiet li suppost hija ddiżinjata biex issolvi u ħolqot aktar problemi.''

L-istqarrija ttemm tgħid li l-aġenti se jqajmu dawn il-problemi mal-Malta Devolpers' Association

More in Politika