Ivan Bartolo kkonferma li se jkun qed jikkontesta fl-elezzjoni kawżwali biex jimtela’ s-siġġu parlamentari ta’ Marthese Portelli li rriżenjat riċentament.
Ikkuntatjat minn The Times of Malta, Bartolo kkonferma li se jikkontesta filwaqt li tenna l-opinjoni tiegħu, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn bidla fid-direzzjoni.
“L-għan primarju tiegħi huwa li nservi lill-pajjiżi,” insista.
Ivan Bartolo kien wieħed minn dawk li kien wara Adrian Delia meta dan ikkontesta għat-tmexxija tal-PN, iżda fis-sajf li għadda, wara r-riżultati li kiseb il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali, Bartolo kien voċiferu kontra t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u sejjaħ għall-bidla.
Fil-fatt, Bartolo kien wieħed minn grupp ta’ membri tal-Kunsill Ġenerali, l-ogħla organu tal-PN, li ġabar il-firem u li waslu biex kellu jissejjaħ Kunsill Straordinarju u sar vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia. Il-Kap Nazzjonalista kien kiseb 68% tal-voti.
In-nominazzjonijiet għall-elezzjoni każwali fid-disa’ distrett se jagħlqu għada. Sa issa, tefgħu isimhom biss, Graziella Attard Previ u Charles Selvaggi.
Sadanittant, se tkun qed issir elezzjoni każwali oħra fit-12-il distrett wara r-riżenja tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Sal-bieraħ, għal dan id-distrett, kienu tefgħu isimhom Sam Abela u David Thake.
L-elezzjonijiet każwali se jsiru nhar it-Tlieta.