Coronavirus: Restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa fost miżuri mħabbra mill-Prim Ministru
Attivitajiet fl-apert ma jistgħux isiru jekk ikun hemm aktar minn 2,000 persuna u dawk fil-magħluq ma jistgħux isiru b'aktar minn 700 persuna
minn Yendrick Cioffi
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li waqt il-laqgħa tal-kabinett intlaħaq qbil li fost miżuri oħra biex jiġġieldu t-tixrid tal-coronavirus, jitpoġġew restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa, biex hekk dawk fl-apert ma jistgħux isiru jekk għalihom jattendu aktar minn 2,000 persuna filwaqt li dawk fil-magħluq ma jistgħux isiru jekk għalihom ikun hemm 'il fuq minn 700 persuna.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja u dan ifisser li attivitajiet bħalma huma l-festa ta' San Patrizju li għaliha s-sena li għaddiet attendew aktar minn 40,000 ruħ ma jistgħux isiru. Fil-fatt se jkun hemm laqgħa mal-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan biex din l-attività, din is-sena, ma ssirx.
Abela kien mistoqsi wkoll dwar il-festa ta' San Ġużepp tar-Rabat u l-festi tal-Ġimgħa l-Kbira. Dwar il-festa ta' San Ġużepp, iċċelebrata fid-19 ta' Marzu, Abela qal li wieħed irid jiddiskuti u jista' jkun li jitħassru xi attivitajiet marbuta magħha, bħall-marċ. Dwar il-Ġimgħa l-Kbira qal li fadal xahar u għalhekk wieħed għad irid jara waqt li ttama li dawn il-miżuri ma jkunx hemm għalfejn jibqgħu fit-tul.
Spjega kif dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu fuq parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci li kienet preżenti għal-laqgħa tal-kabinett.
Kumitat tekniku biex jistudja u jilqa' għall-impatt ekonomiku
Kif wieħed jista' jimmaġina, sitwazzjoni bħal din li qed tolqot lid-dinja se jkollha effett fuq l-ekonomija globali u Malta mhux b'inqas.
Abela saħaq li l-kabinett iddiskuta dan ukoll u għalhekk inħatar kumitat tekniku, magħmul minn Ministri u anke esperti biex jistudja u jilqa' għall-impatt li l-aħħar żviluppi jistgħu jkollhom fuq setturi importanti tal-ekonomija, inkluż it-Turiżmu.
Insista li l-ekonomija tal-pajjiż hija b'saħħitha u tiflaħ għal dan l-impatt.
Kull min se jasal jew wasal mill-Italja fl-aħħar jiem irid jagħmel kwarantina
Wara l-lockdown totali mħabbar mill-Gvern Taljan u t-titjiriet kollha li tħassru fuq ordni tal-Gvern Malti, il-Prim Ministru qal li għaddejja ħidma biex jinġiebu lura dawk il-Maltin li jinsabu maqbuda l-Italja.
Insista li dawn kollha, ġejjin minn fejn ġejjin, iridu jagħmlu kwarantina ta' erbatax-il ġurnata.
Il-kwarantina trid issir ukoll minn dawk li waslu minn kwalunkwe reġjun tal-Italja, inkluż Sqallija, fl-aħħar jiem. Dan ifisser li dawk it-tfal u l-ġenituri kollha li kienu Sqallija u li dwarhom qamet ftit ta' kommossjoni f'xi skejjel, iridu wkoll jagħmlu kwarantina.
Mistoqsi hux se jkun hemm infurzar, anke wara li rriżulta li r-raba' pazjent tal-Coronavirus ma għamilx kwarantina fl-ewwel jumejn wara li wasal mill-Italja, il-Prim Ministru insista li sa issa ma ngħatawx pariri li l-kwarantina għalissa ssir obbligatorja. Appella biss kulħadd josserva dan l-obbligu.
Restrizzjoni fuq min iwassal il-merkanzija, mediċina u prodotti tal-ikel
Kif tħabbar ilbieraħ, il-merkanzija, il-mediċina u l-prodotti tal-ikel se jibqgħu jaslu Malta b'mod normali, bl-ajru u anke mill-baħar mill-Italja, inkluż bil-katamaran.
Madanakollu se jkunu qed isiru l-eżamijiet kollha u t-testijiet meħtieġa fuq ix-xufiera kollha li jwasslu dawn il-prodotti.
In-numru ta' persuni li jkunu fit-trakkijiet se jkun limitat għall-massimu ta' żewġ persuni.
Vjaġġar mhux bżonnjuż aħjar ma jsirx
Il-Prim Ministru appella wkoll biex vjaġġar mhux bżonnjuż lejn pajjiżi milquta mill-coronavirus, ma jsirx.
Abela insista li dawn il-miżuri se jibqgħu jiġu aġġornati u jekk ikun hemm bżonn, 'il quddiem, se jittieħdu aktar miżuri.
Madanakollu appella li ma hemm lok għall-ebda paniku. Fi kliemu, is-sitwazzjoni f'Malta hija kkontrollata.
"Għada jerġa' jisbaħ jum ta' skola u jum ta' xogħol normali," temm jgħid il-Prim Ministru.
Aqra wkoll: