Il-Unjin Maltija tal-Għalliema, qalet li tinsab f’kommunikazzjoni mal-Ministru għall-Edukazzjoni u mas-Segretarju Permanenti għax fi kliemha mhuwiex minnu li f’kull klassi hemm prodotti biex l-istudenti u l-għalliema jkunu jistgħu jiddiżinfettaw idejhom.
Fi stqarrija, l-MUT saħqet li tħossha ‘insultata’ meta l-Ministeru jgħid li f’kull klassi hemm sanitizers.
Hija saħqet li r-rapporti jindikaw b’mod ċar li l-Ministeru pprovda biss 20 flixkun f’kull skola.
Saħqet li hija infurmata wkoll li l-fliexken huma iżgħar minn dak li r-ritratt tiegħu xerred il-Ministeru fuq il-paġni tal-midja soċjali.
Intant, is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni wieġeb billi qal li l-hand sanitisers huma skarsi, u l-Ministeru rnexxielu jakkwista 2,300 flixkun biex jitqassam wieħed f’kull klassi.
Il-Ministeru talab lill-prinċipali tal-kulleġġi biex jixtru iktar huma.