Hekk kif il-pajjiż ġar tagħna, l-Italja qed jinbela' mill-pandemija tal-coronavirus illejla l-PM Taljan Giuseppe Conte ħabbar l-għeluq tal-kummerċ kollu fl-Italja biex b'hekk il-ħwienet kollha u kull tip ta' kummerċ - jekk hux ħwejjeġ, ħwienet tal-ikel jew oħrajn - se jagħlqu l-bibien taghhom għal diversi ġimgħat. L-unika ħwienet li se jibqgħu miftuħin se jkunu tal-merċa u l-ispiżjara.
Kien Conte stess li ħabbar kif dan il-proċess se jieħu ġimgħat u qal li mhux se jkun hemm riżultati mill-ewwel, anzi jista' jkun li għalissa l-każi jibqgħu jiżdiedu.
Conte rringrazzja lil dawk kollha li qed jirrispettaw il-miżuri tal-gvern u qal li dawn eventwalment se jħallu l-frott. ''L-Italja għandha turi li hija komunità b'saħħitha."
B'kollox fl-Italja sa issa 10,591 persuna ġew infettati bil-virus, l-akbar numru wara ċ-Ċina, minn dawn 827 mietu u 1,045 fiequ. Ir-rata splodiet fl-aħħar jiem bin-numru jitla' b'2,000 persuna infettata f'jum wieħed biss.