Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f'Kastilja, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar bidliet fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC), fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.
Fearne spjega kif l-iskema, mil-lum, se tkun qed tqassam stokk ta’ xahrejn lil 140,000 anzjan li hemm fuq il-lista biex dawn ikollhom biżżejjed stokk għax-xahrejn.
L-għan ta' din id-deċiżjoni hija biex l-anzjani ma jkunx hemm għalfejn joħorġu għall-mediċini waqt li tenna l-appell tal-Gvern biex l-anzjani, li huma l-aktar vulnerabbli, ma joħorġux sakemm mhux neċessarju b’mod assolut.
Appella wkoll biex it-tfal ma jżurux in-nanniet tagħhom u qal li flimkien mal-Ministeru tal-Familja se jkun hemm ħidma biex jingħalqu iċ-ċentri kollha ta’ matul il-jum.
Intant, in-numru 111 se jżid il-kapaċità b’ħames darbiet, biex hekk minflok b'għaxar operaturi dawn se jitilgħu għal 50.
Qal li persuni fi kwarantina mandatorja jekk ikollhom bżonn xi ħtiġijiet dawn se jitwasslulhom u għalhekk ħabbar helpline għal dawk fi kwarantina: 21411411.
Qal ukoll li f’Għawdex hemm 60 sodda ta’ iżolament jekk jinqala’ każ f’Għawdex.
Aqra wkoll: