F'konferenza tal-Aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern jeħtieġ malajr kemm jista' jkun jieħu deċiżjoni dwar il-leave tal-kwarantina hekk kif bħalisa għadu mhux ċar x'jiġri jekk ħaddiem - li ma jkunx jista' jaħdem mid-dar - ikollu joqgħod kwarantina d-dar.
Delia appella lill-Gvern ukoll biex iforni l-mediċini kollha li jittieħdu permezz tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek (POYC) u anke l-bżonnijiet tal-ikel lill-anzjani kollha tal-pajjiż. Delia qal li dan jista' jsir mill-armata jew inkella permezz ta' ħidma ma' inizjattivi diġa' eżistenti bħall-Meals on Wheels.
Il-Gvern illum ħabbar ukloll, fil-fatt, li se jkun qed iqassam stokk ta’ xahrejn lil 140,000 anzjan li hemm fuq il-lista tal-POYC biex dawn ikollhom biżżejjed stokk għax-xahrejn.
Delia qal li l-oppożizzjoni tilqa' b'mod pożittiv il-fatt li l-iskejjel se jkunu magħluqa għalkemm fakkar li dan jikkuntratsta mad-diskors tal-Prim Ministru li din il-marda mhix daqstant serja.
Delia qal li llum bit-teknoloġija ħafna ħaddiema tal-gvern jistgħu jibqgħu jaħdmu d-dar u qal li xi ħaġa bħal din tnaqqas in-nies mit-toroq u postijiet pubbliċi li jfisser allura li jonqos iċ-ċans li jinxteres il-mard.