It-tobba u l-bankiera jappellaw għal lockdown 'immedjat' u l-għeluq tal-ajruport

Il-MAM tappella biex l-ajruport u l-portijiet jinżammu magħluqa għal dawk li kienu ġejjin Malta, fost miżuri oħrajn ...

Kemm it-tobba permezz tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u anke l-Bankiera permezz tal-Unjin Maltija tal-Bankiera (MUBE) qed jappellaw għal lockdown madwar il-pajjiż kollu kemm jista' jkun malajr.

Il-MUBE qed tinsisti li l-Gvern iħabbar dan il-lockdown madwar il-pajjiż kemm jista' jkun malajr filwaqt li n-nies jitħallew jaħdmu fuq sigħat imnaqqsa.

L-unjin qalet li l-proposta tal-għaqda li tirrappreżenta lil min iħaddem (MEA)  - jiġifieri li l-lockdown jibda nhar id-19 ta' Marzu - hija wisq 'il bogħod.  "Bħala nazzjon m'għandniex nieħdu riskji f'ċirkostanzi bħal dawn," qalet il-MUBE.

L-unjin qalet illi f'dawk il-pajjiżi fejn lockdown ma saritx mill-ewwel ir-riskji kienu akbar u ssemmi l-Italja, li issa hija magħluqa kollha u Spanja li ddikjarat stat ta' emerġenza. 

Il-MAM intant qed titlob li ssir kwarantina mandatorja lir-residenti kollha tal-pajjiż, kif ukoll li: 

  1. Impjegati tal-Isptar Mater Dei, iċ-ċentri tas-saħħa, power station, servizzi tal-ilma u d-dawl u ħaddiema ta' servizzi essenzjali oħrajn biss għandhom jitħallew jaħdmu
  2. Il-ħwienet kollha u postijiet ta' divertiment, ħlief spiżjara, tal-merċa u supermarkets, għandhom jinżammu magħluqa. 
  3. L-iskejjel u l-universitajiet għandhom jinżammu magħluqa matul dan il-perjodu
  4. L-ajruport u l-portijiet jinżammu magħluqa għal dawk li kienu ġejjin Malta u ssir ripatrijazzjoni ta' persuni maqbudin barra mill-pajjiż
  5. It-trasport tal-merkanzija jkompli bħan-normal
  6. L-ebda persuna m'għandha titħalla titlaq mill-pajjiż mingħajr il-permess tal-Ministeru tas-Saħħa. .  

 

More in Politika