Sondaġġ xjentifiku | Il-Coronavirus fost l-akbar inkwiet tal-Maltin
Sondaġġ xjentifiku tal-ILLUM juri li qabel bdew jiżdiedu l-każi ta' Coronavirus 34% kienu mħassba dwar il-kostruzzjoni
More in Politika
Sondaġġ xjentifiku tal-ILLUM juri li qabel bdew jiżdiedu l-każi ta' Coronavirus 34% kienu mħassba dwar il-kostruzzjoni
Il-kwistjoni tal-Coronavirus sparat ’il fuq fil-lista ta’ kwistjonijiet ta' tħassib biex hija waħda mill-aktar kwistjonijiet li qed tinkwieta lill-Maltin. Dan jirriżulta minn sondaġġ xjentifiku li sar mill-gazzetta ILLUM meta inċident ta' kostruzzjoni li ħalla mara mejta kien għadu frisk fil-memorja tan-nies u fl-istess ħin ukoll li daħlet il-Coronavirus f'Malta.
Dan is-sondaġġ fil-fatt, sar bejn nhar it-Tlieta 3 ta' Marzu u nhar it-Tlieta 10 ta' Marzu u juri taħlita ta' żewġ kwistjonijiet li kienu qed jinkwetaw lill-Maltin b'mod serju u li ħalla lil kulħadd jiddiskuti u jiddibatti fuq il-midja soċjali - il-kostruzzjoni, wara l-każ li ħalla lil Miriam Pace mejta u emerġenti, mix-xejn, il-kwistjoni tal-Coronavirus.
Iktar kemm teskala din il-problema, iktar mistennija titla' ’l fuq fil-kwistjonijiet li qed iħassbu lill-Maltin u l-Għawdxin.
Sa meta bdew ifaqqgħu l-każi f'Malta, 18 b'kollox f'ġimgħa, il-Coronavirus kienet diġà telgħet bħala r-raba' l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-poplu.
Sa nhar it-Tlieta fil-fatt iċ-ċifra ta' nies inkwetati minħabba l-virus (7.4%) kien diġà jiżboq dak tal-popolazzjoni (0.8%), l-ekonomija (1.8%), l-ambjent (3.8%), il-barranin li jaħdmu Malta (6%) u anke l-korruzzjoni (6.5%).
L-uniċi suġġetti li kienu qed jinkwetaw aktar lill-Maltin sa ftit qabel ma bdew jiżdiedu sew il-każi ta' Coronavirus kienet il-kostruzzjoni (34.2%), it-traffiku (11%) u l-immigrazzjoni rregolari (10.8%).
Ċifri li ġew ippubblikati ilbieraħ stess fuq il-gazzetta oħt Malta Today juru kif 43% huma inkwetati ħafna dwar il-Coronavirus filwaqt li 42.7% huma 'xi ftit' inkwetati. Ftit iktar minn 14% qalu li ma tantx huma inkwetati.
Iż-żgħażagħ l-aktar inkwetati, fl-ewwel jiem
Jidher li fl-ewwel jiem l-aktar li kienu inkwetati b'10.6% kienu dawk li għandhom bejn 18 u 35 sena. Fuq bażi ġeografika kienu l-Għawdxin b'13.3% l-aktar inkwetati bil-Coronavirus malli dan beda dieħel pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Bi kważi 8%, dawk li għandhom livell sekondarju ta' edukazzjoni l-aktar li kienu inkwetati dwar dan il-virus filwaqt li t-tħassib kien id-doppju fost dawk li vvutaw lil-Labour fl-aħħar elezzjoni.
Qabel inqala' dan kollu - Miriam Pace
Qabel inqala' dan kollu r-rabja kienet dwar Miriam Pace u s-settur tal-kostruzzjoni.
Fil-fatt 34% ta' dawk li ħadu sehem dan is-sondaġġ qalu li huma inkwetati dwar il-kostruzzjoni.
L-aktar inkwetati kienu n-nisa bi 38.2%, dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-pajjiż fejn 41.6% qalu li din il-kwistjoni qed tinkwetahom u dawk ta' bejn it-36 u l-50 sena b'37.3%.
Intant kienu 40% ta' dawk li għandhom livell primarju tal-edukazzjoni li kienu inkwetati dwar il-kostruzzjoni u l-inkonvenjent li dan joħloq, filwaqt li 35.4% ta' dawk li vvutaw PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali.