Minn għada se jingħalqu l-bars, ir-ristoranti, il-gyms, il-każini u ċ-ċinema

Il-multa għal min jikser il-kwarantina obbligatorja se togħla minn €1,000 għal €3,000

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li b'effett immedjat minn għada f'nofsilejl se jkunu qed jagħlqu l-bars, ir-ristoranti, il-gyms, il-każini, iċ-ċinema u stabbilimenti oħra soċjali u ta' divertiment, anke jekk ir-ristoranti se jkunu jistgħu jibqgħu joffru s-servizz ta' delivery.

Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar ukoll kif minkejja li l-maġġoranza tal-poplu qed jikkopera mal-miżuri li qed jittieħdu, kien hemm min kiser il-kwarantina mandatorja u għalhekk, b'effett immedjat, il-multa għal min jikser il-kwarantina obbligatorja se togħla minn €1,000 għal €3,000

Dawn il-miżuri tħabbru hekk kif Malta, fl-aħħar 24 siegħa kellha disa' każijiet ġodda ta' coronavirus, inkluż l-ewwel tliet każijiet ta' trasmissjoni lokali.

Lockdown: 'Għalissa mhux neċessarju ... Nipprovjaw ma naslux sa hemm'

Waqt li kien qiegħed jitkellem dwar it-talbiet għal-lockdown, il-Prim Ministru Robert Abela insista li l-miżuri u l-mod kif qed jimxi l-Gvern qed jittieħdu bil-għan li kemm jista' jkun għalissa l-pajjiż ma jmurx għal sitwazzjoni ta' lockdown totali.

Abela qal li għalissa l-awtoritajiet tas-saħħa mhux qed jagħtu pariri lill-Gvern biex imur għal-lockdown. Madanakollu insista li s-sitwazzjoni tista' tinbidel.

Saħaq li jekk il-pajjiż jasal għal sitwazzjoni fejn ikollu jmur għal-lockdown, dan se jkollu jsir għal żmien twil, fi kliemu, għal aktar minn tliet ġimgħat żgur.

'Nipprovaw inżommu r-rata ta' każi ġodda waħda baxxa'

"Kemm jista' jkun intawlu ż-żmien biex naslu għal dik id-deċiżjoni u biex kemm jista' jkun ma naslu qatt għaliha," insista l-Prim Ministru.

Kemm hu u anke d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne insistew li l-Gvern qed jieħu dawk il-miżuri kollha neċessarji possibbli biex kemm jista' jkun il-pajjiż iżomm "il-kurva" waħda baxxa, jiġifieri r-rata ta' infezzjonijiet ġodda tinżamm waħda baxxa.

"Nippreferu intawlu," insista d-Deputat Prim Ministru. "Jekk ġej ħafna ilma għalina, nippreferu li din tkun xmara u mhux tsunami."

Dan ifisser li l-Gvern qed jimmira li jekk, pereżempju, il-pajjiż qed ibassar li jkollu 100 pazjent, ir-rata ta' tixrid tkun fuq medda itwal ta' żmien milli tkun rata għolja f'qasir żmien.

Fi kliem il-Prim Ministru u anke l-Ministru Fearne, dan qed jagħmluh anke biex l-Isptar Mater Dei u l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu jistgħu jlaħħqu u joffru l-aħjar kura lill-pazjenti.

Minkejja l-għadd tal-pazjenti u anke l-fatt li issa kien hemm l-ewwel tliet każi ta' trasmissjoni lokali, il-Prim Ministru Abela insista li s-sitwazzjoni fil-pajjiż għadha waħda taħt kontroll u ma hemm l-ebda lok għall-paniku jew inkella l-allarm.

'Kulħadd irid jerfa' l-parti tiegħu'

Intant, fis-sigħat li ġejjin se jkun ippubblikat Avviż Legali li se jagħti aktar informazzjoni dwar dawk l-istabbilimenti li għandhom jagħlqu minn għada f'nofsilejl.

Huwa tenna l-appell tiegħu biex kulħadd jerfa' l-parti tiegħu. Fi kliemu, il-Gvern irid ikun l-ewwel li jagħmel dan iżda jrid jagħmel dan ukoll kulħadd, inkluż min iħaddem.

Insista li ħadd mhu qed jippretendi li għandu jkun il-ħaddiem li jerfa' l-piż għal dan l-impatt.

'Ejjew lura Malta'

Il-Prim Ministru tenna wkoll l-appell tiegħu lill-Maltin biex kemm jista' jkun malajr jirritornaw lura lejn il-pajjiż.

Appella wkoll lit-turisti li hawn f'Malta biex anke huma, min-naħa tagħhom, kemm jista' jkun iħallu lill-pajjiż malajr kemm jista' jkun.

"Kuraġġ! Mhu se nħallu lil ħadd jegħreq. Mhu se nħallu lil ħadd jispiċċa bla inkwiet," saħaq Abela.

Tenna li l-ekonomija Maltija hija waħda b'saħħitha u reżiljenti.

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwarantina mandatorja

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali li filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili spjega li fl-aħħar sigħat qabdu ħames persuni li ma kinux qed josservaw il-kwarantina obbligatorja.

Faħħar ukoll il-ħidma tal-Forzi Armati ta' Malta li qed jgħinu wkoll fit-tqassim tal-ikel u l-mediċina, inkluż għall-anzjani. Magħhom se jkunu qed jingħaqdu wkoll il-gwardjani lokali.

Aqra wkoll:

More in Politika