“Il-battalja se tkun waħda twila hekk kif l-Ewropa kollha miexja lejn epidemija li se ddum xhur u l-ekonomija se tbati serjament minħabba perjodu ta’ lockdown.” Hekk qal ma’ The Times of Malta Gauden Galea, ir-rappreżentant tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa fiċ-Ċina li tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti inkluż il-miżuri li qed jittieħdu f’Malta.
Mistoqsi dwar lockdown totali u dwar jekk dan hux neċessarju, Galea saħaq li l-livell ta’ infezzjoni fil-komunità se jkun fattur importanti biex wieħed jiddeċiedi jekk jagħmilx lockdown u dan kemm għandu jdum.
Huwa saħaq li lockdown għandu jkun riżultat ta’ analiżi retta tas-sitwazzjoni u mhux sempliċiment deċiżjoni li tittieħed kif ġie ġie.
Iddeskriva l-lockdown f’Wuhan, il-belt minn fejn beda kollox u fejn jinsab hu bħala “sagrifiċċju kbir” li kellhom jagħmlu r-residenti.
Madanakollu, Galea tkellem dwar l-importanza tal-assessessjar tar-riskju, l-istess kif qiegħed isir Malta u miżuri oħra li jagħlqu l-iskejjel u anke jwaqqfu l-attivitajiet tal-massa.
Fi kliemu, l-identifikazzjoni tal-każi, il-contact tracing (jiġifieri l-assessjar tal-kuntatti li kellhom il-pazjenti), l-iżolazzjoni u l-kwaranitna huma interventi importanti li se jgħinu biex iwaqqfu jew ibaxxu r-rata tat-trasmissjoni.
“Huwa tajjab li wieħed jibda dawn il-miżuri minn kmieni,” saħaq Galea waqt li tenna li s-sorveljanza se twassal biex il-każi jkunu identifikati minn kmieni u għalhekk wieħed ikun qed ikisser il-katina tat-trasmissjoni.
Fi kliemu, dan huwa aktar faċli fi gżira żgħira bħal Malta.
Anke Galea appella li l-għeluq tal-iskejjel ma jfissirx vaganzi u għalhekk il-familji ma għandhomx jieħdu t-tfal f’postijiet iffullati. Fakkar li l-virus huwa wieħed pjuttost ġdid u l-mod kif jixxerred hu l-effetti tiegħu għadhom qed ikunu studjati.