Maltco Lotteries ħabbret li l-logħob kollu tal-lottu ġie sospiż minħabba l-coronavirus.
Il-ħwienet kollha tal-lottu jintlaqtu wkoll mill-avviż legali ppubblikat ilbieraħ mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dwar l-istabbilimenti li għalissa ma jistgħux jiftħu.
Għaldaqstant, Maltco Lotteries avżat li n-numri tas-Super 5 li kellhom jittellgħu llejla, ta’ logħba 819, u SUPERSTAR ta’ logħba 77 li kellhom jittellgħu l-Ġimgħa, kif ukoll il-lottu u l-Quaterno+ tas-Sibt (logħba 820) se jiġu sospiżi u posposti għal data fil-futur. Madankollu, il-biljetti mixtrijin għal dawn il-logħob se jibqgħu validi.
Fejn jidħol il-U*BET, l-imħatri li tqiegħdu se jibqgħu validi.
Il-ħlas tar-rebbieħa se jkun possibbli ladarba l-U*BET terġa’ tibda tiffunzjona. Jekk xi attività titħassar jew tiġi posposta, ir-regoli tar-rifużjoni eżistenti jibqgħu jgħoddu.
Sospiżi wkoll il-logħob ieħor, bħall-Quick Keno, Bingo75 u Scratchers
Il-kumpanija qalet li l-ħlas tal-biljetti wkoll huwa sospiż għalissa.
Skont l-istruzzjonijiet tal-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) il-perjodu ta’ meta r-rebbieħa jistgħu jieħdu l-pagament se jiġi estiż minn 60 għal 90 jum. Dan il-perjodu jaf jiġi estiż, skont iċ-ċirkustanzi.