Il-President tal-Parlament Ewropew flimkien mal-gruppi politiċi qablu li nhar il-Ħamis 26 ta’ Marzu ssir sessjoni plenarja staordinarja fi Brussell.
F’din il-plenarja il-Parlament se jiddibatti u jivvota fuq l-ewwel tliet proposti leġislattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu indirizzati l-effetti tal-pandemija COVID-19 fl-Istati Membri tal-UE.
Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli qal: "Il-Parlament Ewropew qed jagħmel u se jkompli jagħmel id-dover tiegħu. Il-Parlament irid jibqa' miftuħ għax id-demokrazija ma tistax titwaqqaf minn virus. Aħna l-unika istituzzjoni Ewropea eletta miċ-ċittadini u rridu nkomplu nirrappreżentawhom u niddefenduhom”.
Fuq l-aġenda hemm dawn it-tliet punti prinċipaċli:
- L-Inizjattiva ta’ Investiment għar-Rispons għall-Corona virus, li tqiegħed għad-dispożizzjoni €37 biljun mill-Fondi ta' Koeżjoni lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi,
- Proposta leġiżlattiva sabiex testendi l-ambitu tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE biex tkopri emerġenzi ta' saħħa pubblika,
- Il-proposta tal-Kummissjoni biex twaqqaf l-hekk imsejħa titjiriet fantażma ikkawżati mill-imxija tal-COVID-19.
Sassoli saħaq li huwa essenzjali li l-Parlament Ewropew jadotta dawn it-tliet proposti malajr, biex jipprovdu appoġġ konkret liċ-ċittadini tal-UE u lill-Istati Membri f'din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent.
Din il-plenarja ser tissostitwixxi formalment is-sessjoni prevista fl-1 u t-2 ta' April.