L-Oppożizzjoni tinsisti għal pakkett finanzjarju speċifiku għan-negozju f'Għawdex
Delia saħaq li mijiet ta’ impjiegi u postijiet tax-xogħol se jintilfu u diġà bdew jintilfu
More in Politika
Delia saħaq li mijiet ta’ impjiegi u postijiet tax-xogħol se jintilfu u diġà bdew jintilfu
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Gvern biex jagħti pakkett miżuri finanzjarji li jkun indirizzat speċifikament għan-negozji f’Għawdex u dawn wara l-appelli li saru kemm mill-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u anke mill-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Delia insista li l-ekonomija ta’ Għawdex tiddependti ħafna iktar minn dik ta’ Malta fuq is-settur tat-turiżmu waqt li insista li l-Gvern qed jinjora din ir-realtà.
Mijiet ta’ impjiegi u postijiet tax-xogħol se jintilfu u diġà bdew jintilfu,” qal Delia.
Fil-fatt, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kienet ippubblikat stħarriġ li sar fost negozjanti Għawdxin, b’50% minnhom jiddikjaraw li qed jikkunsidraw li jagħlqu jekk il-Gvern ma jindirizzax il-problema li l-imxija tal-Covid-19 ġabet magħha, speċjalment f’Għawdex.
Fl-intervista tal-ġimgħa, fuq il-gazzetta ILLUM, anke l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco insista li d-dipendenza Għawdxija fuq it-Turiżmu, hija ogħla minn dik f’Malta.
Spjega kif l-uniku differenza f’Għawdex hija li apparti t-turiżmu internazzjonali, in-negozji f’Għawdex jiddependi wkoll mit-turiżmu intern, li wkoll jinsab wieqaf.
Dan aċċenna għalih ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Chris Said, li indirizza l-istess konferenza u spjega b’mod speċifiku kif il-GDP ta’ Għawdex, 50% tiegħu ġej mit-turiżmu, waqt li insista li l-istatistika turi wkoll li familja Għawdxija taqla’ inqas minn dik Maltija.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar tkellem dwar il-Gozo Channel u filwaqt li saħaq li l-miżuri li ttieħdu kienu tajbin, staqsa jekk dawn itteħdux tard wisq. Fi kliemu, il-ftit nies li qed jaqsmu u l-ħaddiema m’għandhomx moħħhom mistrieħ.
Tul il-konferenza, Delia kkritika mill-ġdid il-kuntratt tal-Gvern li permezz tiegħu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex “inbigħ” lil kumpanija privata.
Fi kliemu, kieku Għawdex ingħata l-prijorità li kellu bżonn, kien ikun hemm 400 sodda oħra f’Għawdex.