Fi stqarrija l-Gvern qal illi llum saru numru ta’ laqgħat mal-mezzi tax-xandir ta’ pajjiżna fejn matulhom ġie kkomunikat li l-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna, inkluż finanzjarja, sabiex matul dan il-perjodu diffiċli ta’ Covid-19, mezzi tal-komunikazzjoni bħal televiżjoni, radju, gazzetti, u news portals jibqgħu joperaw.
L-istqarrija tgħid li l-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn dan is-settur għax "jemmen li l-mezzi tal-komunikazzjoni huma parti integrali mid-demokrazija f’pajjiżna u għodda importanti fit-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni."
Il-Partit Nazzjonalista wkoll kien għamel numru ta' proposti dwar għajnuna lil dan is-settur li qed jintlaqat b'mod qawwi wkoll mill-imxija tal-corornavirus u l-isfidi kbar ekonomiċi li dan qed iġib miegħu. Fosthom li l-Gvern jikkontribwixxi lejn is-salarji tal-ġurnalisti li xogħolhom f'dawn iz-żminijiet jinsab taħt pressjoni enormi.
Il-Kmamar tal-Aħbarijiet kollha - għajr il-ONE u x-Xandir Nazzjonali - talbu biex il-Gvern jgħin ukoll permezz ta' konċessjoni fejn fl-operat fil-midja stampat u diġitali, il-VAT jiġi eżentat, fost oħrajn.