Il-Pulizija, flimkien ma’ tim mediku, ħadu lejn l-isptar Boffa lir-raġel li kien instab pożittiv għall-Covid-19 u li kien irappurtat nieqes tant li kienet qed issir tfittxija għalih.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-raġel kien qed jingħata assistenza fil-klinika tas-Salib l-Aħmar f'Ħal Far, meta daħal fiċ-ċentru miftuħ qabel dan ingħalaq fuq kwarantina.
"Il-Pulizija stabbiliet li ma kellu ebda kuntatt ma’ persuni oħra barra miċ-ċentru," qalet l-istqarrija.
Kienet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, li dalgħodu kkonfermat li pazjent bil-coronavirus li suppost jinsab rikoverat fl-isptar Pawlu Boffa ma jistax jinstab u li kienet għaddejja t-tfittxija għalih.
Sorsi mill-Pulizija, li tkellmu ma' dan is-sit, mill-ewwel spjegaw li r-raġel għeb qabel daħal Boffa anke għax mill-Isptar dan ma seta' qatt jaħrab hekk kif mal-istess sptar hemm ħames Pulizija stazzjonati, tlieta mid-Distrett tal-Belt u tnejn tar-Rapid Intervention Unit.
F'Boffa hemm total ta' 16-il pazjent.