Il-prezzijiet tal-maskri u ingwanti disposable jiżdiedu bil-qawwi b'diskrepanzi fil-prezzijiet
Il-gazzetta ILLUM iċċempel diversi spiżeriji biex tistaqsi dwar il-prezz tal-maskri u l-ingwanti. Kemm żdiedu l-prezzijiet? Kemm ivarjaw minn spiżerija għall-oħra? Għaliex? Din id-differenza fil-prezzijiet tagħmel sens?
minn Yendrick Cioffi
Jekk qabel kulħadd kien ġej u sejjer għand l-ispiżjara biex jixtri l-kaxxi tal-panadols mill-blu, żgur li fl-aħħar xahar l-ingwanti u l-maskri bdew ħierġa qishom pastizzi mill-ispiżeriji. Ma tridx tkun xi matematiku kbir biex tinnota li fl-aħħar ġimgħat, hekk kif id-domanda kompliet tiżdied, il-prezzijiet ta’ dawn iż-żewġ prodotti żdiedu mhux ħażin.
Il-gazzetta ILLUM għamlet eżerċizzju fejn ċemplet, daqslikieku klijent, lil diversi spiżeriji, fosthom spiżerija minn kull kumpanija ewlenija li tmexxi katina ta’ spiżeriji madwar Malta. Għall-istess prodott, kemm fil-każ tal-ingwanti u anke għall-maskri, l-ILLUM sabet diskrepanzi, uħud minnhom sostanzjali, fil-prezzijiet.
Veru li mhux kulħadd iġib l-istess ditta ta’ maskri u ingwanti, iżda ngħiduha kif inhi, id-differenza fil-prodotti hija minima u l-prezzijiet, għall-istess prodott ivarjaw ħafna.
Apparti li ċemplet, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ spiżjara. Spiżjar partikolari, li jaħdem ma’ waħda mill-katini ewlenin ta’ spiżeriji f’Malta spjega kif jekk qabel il-maskri kienu jbiegħuhom f’pakketti ta’ sitta li jiswew €1.00, illum, l-istess maskri tal-istess ditta, qed jinbiegħu għal €1.25 kull waħda.
Meta ċemplet lill-ispiżeriji, il-gazzetta ILLUM għamlitha ċara li qed tistaqsi għall-maskri komuni, magħrufa bħala surgical masks, jiġifieri maskri li wieħed juża u jarmi u mhux għall-maskri FFP2, FFP3 jew N95 li jkunu għolja aktar fil-prezz.
Għas-surgical masks, l-ILLUM sabet differenzi sostanzjali fil-prezzijiet. Fil-fatt l-irħas prezz li sabet l-ILLUM kien ta’ €1.25 kull maskra.
Mill-banda l-oħra, l-ogħla prezz li sabet kien fi spiżerija f’Tas-Sliema li qed tbiegħ il-maskri f’pakketti ta’ tnejn u kull pakkett jiswa €9.90. Dan ifisser li għal surgical masks li bnadi oħra qed jinbiegħu bejn €1 u €2 kull waħda, f’din l-ispiżerija kull maskra tiswa €4.95.
Fi spiżerija oħra f’San Pawl il-Baħar, għal kull surgical masks, il-klijent qed iħallas €3.50 u jista’ jieħu sa tliet maskri. Fuq stazzjon televiż, ukoll qed isir riklam għall-bejgħ ta’ dawn il-maskri komuni f’settijiet ta’ ħamsa li jiswew €17.00, jiġifieri għal €3.40 kull waħda.
Id-differenza kienet evidenti wkoll fil-bejgħ tal-ingwanti li qed jintużaw ħafna, anke jekk is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci wisset li dawn jistgħu jagħtu “sens falz ta’ sigurtà” għax x’jiswa li tilbes ingwanta, tmiss xi mkien fejn poġġa l-virus u mbagħad tmiss wiċċek?
Meta ċemplet l-ispiżeriji, il-gazzetta ILLUM staqsiet ukoll għall-ingwanti li mhux jinbiegħu bil-waħdiet iżda f’kaxxi ta’ 100. Anke hawn, l-ILLUM assigurat li qed tistaqsi għall-istess tip ta’ ingwanti, jiġifieri ingwanti mill-komuni (tal-latex) li tuża u tarmi minnufih.
Il-prezzijiet li sabet il-gazzetta ILLUM kienu jvarjaw minn €6.80 kull kaxxa ta’ 100 għal €10.00. Fi spiżerija partikolari f’Tas-Sliema, sempliċiment għax l-istess ingwanti huma suwed u mhux bojod, iżda magħmulha mill-istess materjal, kull kaxxa ta’ 100 tiswa €12.00.
Spiżjar ieħor li l-ILLUM għamlet kuntatt miegħu u li wkoll jaħdem ma’ waħda mill-katini ewlenin ta’ spiżeriji, spjega kif ftit tal-ġimgħat ilu, għall-istess kaxxa ta’ ingwanti li llum tiswa €10.00, kienu jżommu €7.50, jiġifieri €2.50 inqas.
‘Il-prezzijiet jiddependu fuq l-aġent u mhux mill-ispiżjar’
Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-kamra tal-ispiżjara li kkonfermat li hemm żieda fil-prezzijiet tal-maskri u l-ingwanti iżda saħqet li l-prezz jiddependi mill-prezz tal-manifattur u l-ispejjeż tal-ġarr biex jinġiebu Malta, waqt li fakkret li f’dawn il-ġranet, il-ġarr tal-merkanzija huwa
ristrett.
“Kollox jiddependi mill-prinċipju ta’ demand u supply,” kompliet tisħaq il-Kamra tal-Ispiżjara waqt li spjegat ukoll kif mhux faċli ssib dawn il-prodotti bħalissa, anke għax jista’ jagħti l-każ li min iforni lill-aġenti jinsab f’pajjiżi milquta mill-Covid-19 u għalhekk jew ikollhom bżonn il-prodotti huma stess jew inkella jirrestrinġu l-esportazzjoni għall-pajjiżi terzi.
Mistoqsija jekk irċevitx ilmenti dwar dan u anke jekk hux se tieħu passi biex ma jkunx abbuż f’dan ir-rigward, il-Kamra tal-Ispiżjara qalet mal-ILLUM li ma rċeviet l-ebda ilment.
“Nafu li l-ispiżjara jimxu dejjem fuq l-invoice uffiċjali tal-aġent u l-ispiżjar huwa professjonist u etiku,” kompliet tgħid, waqt li saħqet li hi mhijiex ir-regolatur u għaldaqstant mhux fil-kompitu tagħha li tieħu passi.
F’Malta n-nies se jintalbu jilbsu l-maskri bilfors meta joħorġu?
Mistoqsi mill-ġurnalisti x’inhi l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Maltin fuq il-maskri, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li l-awtoritajiet qed jimxu fuq l-evidenza xjentifika li tista’ tinbidel minn żmien għal żmien.
Spjega kif maskra tista’ tintlibes għal żewġ raġunijiet:
Jew biex persuna tipproteġi lilha nnifisha mill-virus u għalhekk kull min qiegħed f’kuntatt mal-pazjenti jew persuni li jistgħu jkollhom il-maskri, ingħataw il-maskri biex jilbsuhom kontinwament;
Jew biex pazjent ma jinfettax lill-ħaddieħor
Fearne spjega kif f’numru ta’ pajjiżi, fejn il-virus infirex ħafna, qed joħorġu avviżi biex kulħadd jilbes il-maskra.
“F’Malta għadna ma wasalnix għal dak l-istadju,” saħaq Fearne waqt li wissa li mhux kull maskra hija tajba, b’mod partikolari dawk li jixxarbu malajr bil-bżieq tal-persuna u għalhekk il-mikrobi jistgħu jfaqqsu.