477 persuna tilfu x-xogħol kawża tal-Covid-19 u se jibbenefikaw mill-miżuri tal-Gvern
Dawn il-persuni li jaħdmu fuq bażi full-time se jieħdu €800 mill-Gvern u dawk part-time se jieħdu €500

minn Yendrick Cioffi

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Sigurtà Soċjali, Mark Musù, spjega kif sa issa 477 persuna li tilfu x-xogħol tagħhom kawża tal-impatt li ġabet magħha l-imxija tal-Covid-19 fuq diversi negozji u dawn se jkunu qed jibbenefikaw mill-miżura ta-Gvern li jipprovdi €800 lil kull min kien jaħdem full-time tilef xogħlu mid-9 ta' Marzu li għadda.
Dawk li kienu jaħdmu fuq bażi part-time, se jkunu qed jieħdu €500.
Huwa u jispjega l-aħħar żviluppi dwar il-miżuri soċjali li ħabbar il-Gvern, Musù spjega wkoll li kienu 2,889 dawk il-ġenituri li jaħdmu mas-Settur Privat u ħarġu fuq unpaid leave biex ikunu jistgħu jibqgħu mat-tfal tagħhom id-dar. L-ispiża tal-Gvern għal din il-miżura biss, sa issa tlaħħaq il-€1,774,222.
Apparti minn hekk, 247 persuna b'diżabilità li wkoll ma jistgħux imorru għax-xogħol bħalissa, ukoll ibbenefikaw mill-miżura ta' €800 filwaqt li 573 persuna bbenefikaw mill-miżura tal-benefiċċju mediku.
Dan ifisser li b'kollox, meta wieħed inaqqas il-bolla li se jħallsu dawn il-persuna, l-ispiża tal-Gvern se tkun qed tlaħħaq it-€3,356,192.
Fil-fatt, Mark Musù spjega li minn dawn it-€800, wieħed irid inaqqas l-10% ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali biex meta jiġu għall-pensjoni, dawn il-persuni ma jkollhomx bolla nieqsa. Dawn se jibqgħu xorta waħda jibbefikaw minn benefiċċi oħra, bħal ngħidu aħna ċ-childrens allowance, in-Work Benefit, Għajnuna Supplimentari jew l-Assistenza għal Diżabilità, skont il-każ.
Il-ħlasijiet
Intant, ilbieraħ sar proċess ieħor, it-tielet proċess tal-ħlas anke jekk minn dakinhar baqgħu wkoll deħlin applikazzjonijiet ġodda.
Dawk li qed jitħallsu direttament fil-kont tal-bank se jkunu qed jirċievu l-flus filwaqt li min talab li jitħallas b'ċekk se jkun jista' jsarfu nhar is-Sibt li ġej.
B'kollox, sa issa daħlu 7,214-il applikazzjoni u ġew maħduma 78.1% tal-applikazzjonijiet.
Punti importanti
- Sal-lum intlaqgħu u tħallsu 4,186 applikazzjoni bi spiża ta' €2.36 miljun.
- Tħallsu wkoll kważi €262,000 f'kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali
- Dan ifisser li l-benefiċċjarji mħallsa sa issa ħadu medja ta' €625 f'għajnuna kull wieħed f'perjodu effettiv ta' tliet ġimgħat.
- Dawk li għadhom ma tħallsux, l-ewwel ħlas se jkun ikopri arrerati b'lura skont meta jkunu eliġibbli
Wara dawn l-individwi hemm familji
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon saħaq li wara dawn l-individwi, hemm familji sħaħ u għalhekk, bil-miżuri tiegħu, il-Gvern qed jolqot ħafna aktar nies.
"Aktar minn 7,200 persuna qed nitkellmu fuq 7,200 familja," saħaq il-Ministru.
Kompla jispjega li l-akbar persentaġġ ta' benefiċċjarji huma ġenituri li kellhom jieqfu mix-xogħol biex joqogħdu mat-tfal. "Qed inħarsu biss lejn persuni fis-settur privat, għax fis-settur pubbliku hemm ċertu element ta' flessibilità biex dawn ma kellhomx id-dħul tagħhom affetwat."
Il-Ministru saħaq li meta wieħed jikkunsidra l-aspett finanzjarju u l-kriżi ekonomika li l-Covid-19 se ġġib magħha madwar id-dinja, jikkonferma kemm kien għaqli l-Gvern, fl-aħħar seba' snin, li faddal għal "meta tiġi l-maltempata."
