'Ibqgħu ġewwa! Nittamaw li kollox jgħaddi bħal ma għaddiet il-gwerra'

Jiftakar il-gwerra u jiftakar lil Malta tbati l-ġuħ u l-faqar.  Ħelisha minn bomba li waqgħet fil-pjazza taż-Żejtun bi żbrixx u llum imexxi tliet idjar b'nies aktar vulnerabbli għall-Covid-19.  Dun Anġ Seychell jitkellem dwar it-Tieni Gwerra Dinjija u l-isfidi tal-lum...

Illum għaddejjin minn żmien partikolari ħafna, fejn kulħadd qed jintalab jibqa' ġewwa.  Għal uħud dan l-episodju qisu l-aħħar tad-dinja - huwa l-agħar kapitlu li qatt jiftakru għajr għax-xeneġġjati f'xi film apokaliptiku (tiftakruh Armageddon?). 

Iżda minkejja li llum kulħadd jaħseb li qatt ma konna daqstant ħażin, nies bħal Dun Anġ Seychell jiftakru saram bil-wisq akbar minn dan.  Saram li ħalla lill-poplu jbati l-ġuħ.  Bħal biex forsi jifta' t-tbatijiet tal-lum f'kuntest u forsi wkoll biex nikkunslaw xi ftit, hekk kif jidher li dħalna fl-agħar tal-imxija u fl-agħar f'termini ta' burdata, Seychell jirrakkonta dak li għaddiet minnu Malta u ż-Żejtun fit-tieni gwerra dinjija. 

"Kelli sitt snin niftakar meta faqqgħet, konna noqgħodu Triq Santu Wistin iż-Żejtun.  L-ewwel li ġew kienu t-Taljani, kemm tefgħu bombi u telqu.  Dakinhar Malta kien hawn sentiment qawwi pro-Taljan," ifakkar il-qassis. 

Jgħid illi b'differenza għal xi ħaġa bħal virus, dakinhar mhux Malta kollha intlaqtet. 

"Il-Kottonera nqerdet daqs kemm tefgħu bombi minħabba t-Tarzna. Għawdex, in-naħa tal-Mellieħa u hekk ma ntlaqtu xejn" jirrakkonta Seychell. 

Ifakkar kif l-iskejjel fiż-Żejtun kienu militarizzati u allura kuljum kienu jisimgħu s-sirena ddoqq. 

Jirrakkonta kif darba għal xi raġuni s-sireni ma daqqewx u kienet waqgħet bomba fil-pjazza taż-Żejtun u mietu ħafna nies, inkluż ċertu wieħed tabib Hyzler. "Ma kontx wieħed minnhom jiena għax kienet għajtitli ziti għal xi ħaġa, għax kieku magħhom kont," jgħid Seychell.

Iż-Żejtun tilqa' eluf ta' refuġjati

Jispjega kif iż-Żejtun kien post illi fih kien hemm ħafna refuġjati mill-Kottonera, familji sħaħ li ngħataw kamra waħda, minn dar, fejn jgħixu. 

Jgħid illi l-familja tiegħu għax kellha grocer u kienet tbigħ il-ħobż ma kellhiex fejn tqiegħed lin-nies. 

Ħafna minn dawn ir-refuġjati Bormliżi, Ġirbin jew Sengleani bnew ħajjithom f'dan ir-raħal u baqgħu jgħixu hemmhekk.

Bħal lum jew aktar?

Imma xi tbatija kien hemm dakinhar? Bħal-lum? "Le x'bħal-lum!  Dak iż-żmien kien hawn tbatija u ġuħ kbir.  L-Arċisqof Gonzi, fost l-affarijiet tajbin li għamel, għax aħna niftakruh għall-ħażin biss, kien li mar Għawdex u talab lill-bdiewa jgħaddulu l-qamħ biex ikollna l-ħobż." 

Jgħid li dak iż-żmien kien bir-razzjoni l-ikel.  "Kien ħobż, kwart u nofs kull persuna.  Ommi niftakarha tagħmlilna t-trab tal-bajd, moqli jew trab tal-ħalib, moqli.  Hekk konna nieklu ta." 

Jgħid illi kien hawn tbatija kbira, "kien hawn ħafna faqar u ħafna ħmieġ, tant li Bubaqra (iż-Żurrieq) konna spiċċajna bil-pesta. In-nies batew ħafna, ma tawnix il-George Cross ta' xejn ta'!" 

"Jiena ma batejtx il-ġuħ għax ommi kellha ħanut, imma ħafna batew il-ġuħ."

Dun Anġ Seychell ifakkar li llum l-unika sagrifiċċju li qed jintalab huwa li kulħadd jibqa' d-dar. "Illum kollox għandna, l-kumditajiet kollha, kollox." 

L-ILLUM tfakkar lil Dun Anġ iżda illi hawn nies li ma jistgħux jiltaqgħu ma uliedhom. 

"Kollox sew vera, imma ħdejn il-gwerra mhu xejn ta!' jirrimarka Seychell. 

Itemm dan il-punt ifakkar li pajjiżna tant kien hawn faqar li kellha ssir għassa fuq ir-riżervi tal-ikel għax kien qed isir ħafna serq. 

L-appell finali ta' Dun Anġ Seychell, speċjalment illum li jaħbat Ħadd il-Għid huwa li kulħadd jibqa' ġewwa u jobdi. 

"Bħall-gwerra wkoll din l-imxija għad tgħaddi u ngħixu fil-paċi," qal Seychell.

'Xi dwejjaq, ikollna nibqgħu ġewwa ...'

Dun Anġ imexxi wkoll tliet idjar - Dar Nazareth, Dar Madre Tereża u Dar l-Arċipriet Degabriele - ilkoll fiż-Żejtun.  Dawn id-djar huma kenn għal nies li lkoll qed ikunu meqjusa bħala vulnerabbli f'dan iż-żmien ta' imxija ta' Covid-19. 

X'qalulu r-residenti meta qalilhom li jridu jibqgħu ġewwa? " Qaluli xi dwejjaq irridu noqgħodu ġewwa.  Naturalment dawk li joħorġu jagħmlu xi biċċa xogħol, kollha jħossuha xi ftit aktar.  Imma qed inżommuhom kollha hawn, qed nieħdu ħsiebhom, qed nieħdu l-prekawzjonijiet kollha u dawk li kienu jmorru għal attivitajiet illum dawk l-attivtajiet qed jagħmluhom ġewwa."

More in Politika